Parkeġġ taħt l-art fost il-pjanijiet tal-Università hekk kif studenti jilmentaw dwar nuqqas ta’ spazji
L-Università tgħid li għandha aktar minn 1,000 spazju għall-parkeġġ, filwaqt li studenti jilmentaw li qed iqattgħu sa siegħa jfittxu fejn jipparkjaw u li t-trasport pubbliku mhuwiex alternattiva vijabbli
minn Jaelle Borg
L-Università ta’ Malta għaddejja b’diskussjonijiet dwar proġett ta’ kumpless sportiv li se jinkludi parkeġġ taħt l-art, bil-għan li jiżdiedu l-ispazji disponibbli għall-istudenti u l-ħaddiema, fi sfond ta’ lmenti minn studenti li qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jipparkjaw qrib il-kampus.
Dan ikkonfermatu l-Università fi tweġiba għall-mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni tal-parkeġġ, hekk kif studenti rrakkontaw li ġieli jqattgħu sa siegħa jfittxu spazju fejn iħallu l-karozza, filwaqt li oħrajn saħqu li t-trasport pubbliku, minkejja li huwa b’xejn, mhuwiex alternattiva affidabbli għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum.
L-Università spjegat li bħalissa hemm aktar minn 1,000 spazju ta’ parkeġġ riservat għall-istudenti u l-istaff tagħha. Żiedet li matul l-aħħar tliet snin sar disponibbli wkoll il-parkeġġ ta’ Campus Hub, li joffri madwar 500 spazju addizzjonali għall-istudenti u staff u huwa operat minn kumpanija privata.
Skont l-Università, kemm l-istudenti kif ukoll l-impjegati tagħha jistgħu jużaw dan il-parkeġġ bi ħlas imnaqqas ta’ €3 kuljum.
L-Università spjegat ukoll li parti mill-ispazji tal-parkeġġ bħalissa mhumiex disponibbli minħabba t-tined li ttellgħu għall-Freshers’ Week. Dawn l-ispazji mistennija jerġgħu jkunu disponibbli mit-Tnejn, 12 ta’ Ottubru.
“Kieku t-trasport pubbliku kien alternattiva tajba, kont nużah”
Minkejja li t-trasport pubbliku huwa b’xejn, diversi studenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li dan mhux bilfors jagħmlu alternattiva vijabbli għall-karozza privata, partikolarment għal dawk li jkollhom ilaħħqu bejn il-lectures, ix-xogħol u responsabbiltajiet oħra.
Fost l-ilmenti li qajmu kien hemm karozzi tal-linja li jaslu mimlijin, bil-passiġġiera jkollhom jistennew is-servizz ta’ wara, kif ukoll id-diffikultà biex jiddependu fuq it-trasport pubbliku meta jkollhom skedi stretti.
“Kieku t-trasport pubbliku kien alternattiva tajba, kont nużah,” kien is-sentiment espress minn wieħed mill-istudenti.
L-istudenti qalu li jifhmu li xi wħud jistgħu jirrispondu għall-ilmenti tagħhom billi jgħidulhom jużaw il-karozza tal-linja, bħalma kienu jagħmlu ġenerazzjonijiet preċedenti.
Madankollu, argumentaw li għal dawk li jkollhom imorru jaħdmu qabel jew wara lecture, l-affidabbiltà tas-servizz hija kruċjali. Fil-fehma tagħhom, il-fatt li t-trasport pubbliku huwa bla ħlas, mhuwiex biżżejjed jekk ma jkunx jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom.
Min-naħa tagħha, l-Università sostniet li l-kampus huwa meqjus bħala ċentru importanti għat-trasport pubbliku, b’għadd kbir ta’ rotot tal-karozzi tal-linja jieqfu fid-daħla prinċipali tiegħu.
Siegħa tfittex parkeġġ, student ieħor jispiċċa jaqbad Bolt
Il-frustrazzjoni tal-istudenti mhijiex limitata għall-għażla bejn it-trasport pubbliku u l-karozza privata.
Studenta fit-tielet sena tal-kors tal-Liġi rrakkontat ma’ din il-gazzetta kif ġieli tqatta’ sa siegħa tfittex fejn tipparkja qabel tattendi l-lectures tagħha.
Student ieħor spjega kif, wara li ma rnexxilux isib parkeġġ qrib l-Università, kellu jħalli l-karozza tiegħu f’San Ġwann u jaqbad Bolt biex jasal sal-kampus. Minkejja dan, xorta waħda wasal għaxar minuti tard għal-lecture.
Dawn l-esperjenzi jirriflettu l-frustrazzjoni ta’ studenti li jħossu li parti sostanzjali mill-ħin tagħhom qed tintilef fit-tfittxija għal parking, minflok ma tkun iddedikata għall-istudju.
Il-parkeġġ riservat għall-istaff iqajjem ukoll mistoqsijiet
Student ieħor qajjem il-kwistjoni tad-distribuzzjoni tal-parking bejn l-istudenti u l-ħaddiema tal-Università, hekk kif argumenta li fil-fehma tiegħu hemm numru konsiderevoli ta’ spazji riservati għall-istaff u l-letturi, filwaqt li dawk disponibbli għall-istudenti mhumiex biżżejjed.
Student ieħor sostna li għandha tiġi kkunsidrata l-ħolqien ta’ parkeġġ ġdid biex jiġu ffaċilitati l-ħajja u l-aċċess għall-Università għal dawk li jattendu l-lectures.
Dwar l-allokazzjoni tal-parkeġġ, l-Università spjegat li l-prassi dejjem kienet li l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) joħroġ il-permessi għall-parkeġġ tal-istudenti.
Żiedet li f’dawn l-aħħar snin ġew introdotti wkoll inċentivi biex l-istudenti jaqsmu l-karozza bejniethom, permezz ta’ sistema ta’ carpooling. Fil-fatt, Car Park 4 hija riservata għall-karozzi tal-istudenti li jagħmlu użu minn din is-sistema.
Diskussjonijiet dwar parkeġġ ġdid taħt l-art
Bħala parti minn pjanijiet għal aktar faċilitajiet, l-Università kkonfermat li għaddejjin diskussjonijiet dwar proġett ta’ kumpless sportiv li se jinkludi parkeġġ taħt l-art.
Skont l-Università, dan il-parkeġġ se joffri ammont sostanzjali ta’ spazji addizzjonali għall-istudenti u l-istaff, għalkemm fit-tweġiba tagħha ma speċifikatx kemm se jinħolqu spazji ġodda jew meta l-proġett jista’ jitlesta.
Intant, l-ilmenti tal-istudenti jibqgħu jqajmu l-mistoqsija dwar jekk il-faċilitajiet attwali tal-parkeġġ u s-servizz tat-trasport pubbliku humiex biżżejjed biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunità universitarja.
