Avukat jitlob ir-riżenja tad-Direttur tal-Ħabs fuq trattament ta’ minuri ta’ 15-il sena

Arthur Azzopardi jgħid li l-minuri ilu jinżamm għal sigħat twal waħdu u li espert tas-saħħa mentali ma tħalliex jeżaminah minkejja ordni tal-Qorti • Jitlob investigazzjoni u r-riżenja ta’ Christopher Siegersma

L-avukat Arthur Azzopardi akkuża lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Christopher Siegersma, b’inkompetenza u li naqas milli josserva ordnijiet tal-Qorti fil-każ ta’ tifel ta’ 15-il sena li ilu taħt arrest preventiv minn Ġunju.

Waqt intervista fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq Campus FM, l-avukat sostna li l-minuri ilu għal ġimgħat jinżamm waħdu għal madwar 22 siegħa kuljum, bi ftit ħafna kuntatt ma’ priġunieri oħra.

Azzopardi għamilha ċara li mhux qed jikkontesta d-deċiżjoni tal-Pulizija jew tal-Qorti li ż-żagħżugħ jinżamm arrestat, iżda qed jikkritika l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tiegħu, li hu qal huma illegali.

Skont l-avukat, il-minuri qatta’ 21 jum f’dawn il-kundizzjonijiet.

Huwa qal li Siegersma pprova jiddistingwi bejn “iżolament” u “segregazzjoni”, billi argumenta li ż-żagħżugħ kien qed jinżamm separat minn oħrajn biex jiġi protett minn bullying u biex ma jkollux influwenza negattiva fuq priġunieri oħra.

Azzopardi ċaħad din id-distinzjoni u sostna li kwalunkwe forma ta’ iżolament għandha tkun ibbażata fuq liġi u kundizzjonijiet stretti.

Huwa sostna wkoll li t-trattament tal-minuri ma kienx konformi ma’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar persuni taħt l-età miżmuma f’detenzjoni.

Jgħid li espert ma tħalliex jeżamina lill-minuri

Azzopardi akkuża wkoll lid-Direttur tal-Ħabs li ostakola evalwazzjoni psikoloġika tal-minuri, minkejja ordni tal-Qorti li ilha fis-seħħ minn Awwissu.

Huwa qal li fid-19 ta’ Awwissu l-Qorti ħatret żewġ esperti fuq talba tad-difiża, b’appoġġ kemm tal-Pulizija kif ukoll tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Wieħed minnhom kien probation officer inkarigat jevalwa l-bżonnijiet tal-minuri, inklużi dawk edukattivi. L-ieħor kien espert forensiku tas-saħħa mentali biex jeżamina l-qagħda psikoloġika tiegħu waqt id-detenzjoni.

Skont Azzopardi, Siegersma oġġezzjona għall-għażla tal-espert tas-saħħa mentali u ried li persuna oħra, li l-avukat iddeskriva bħala “ħabib tiegħu”, tingħata l-inkarigu.

Azzopardi sostna li dan wassal biex l-evalwazzjoni ma saritx.

Huwa qal li meta l-Qorti qajmet il-kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess, id-Direttur ma qabilx u baqa’ jinsisti fuq il-persuna proposta minnu.

Kważi xahrejn wara l-ordni, qal Azzopardi, l-evalwazzjoni għadha ma saritx.

“Ħadd f’Malta ma jista’ jmur kontra ordni tal-Qorti. Aħseb u ara uffiċjal pubbliku, aħseb u ara d-Direttur tal-Ħabs,” qal.

L-avukat talab ukoll li tittieħed azzjoni dixxiplinarja kontra Siegersma u qal li l-Public Service Commission għandha teżamina l-każ jekk jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha.

Probation officer allegatament tgħid li qatt ma rat trattament simili

Azzopardi rrefera wkoll għax-xhieda tal-probation officer maħtura mill-Qorti, li skontu qalet li f’17-il sena ta’ xogħol qatt ma rat minuri miżmum taħt kundizzjonijiet bħal dawn.

Huwa qal li l-uffiċjal saħansitra xehdet li priġunieri adulti f’Diviżjoni 6 kienu qed jinżammu f’kundizzjonijiet aħjar.

Skont ix-xhieda kif irrakkontata minn Azzopardi, il-minuri qed jinżamm f’żona separata b’televixin, mejda u exercise bicycle, fejn jiekol waħdu u għandu kuntatt limitat mal-oħrajn.

Huwa qal ukoll li l-kamra fejn jorqod ma għandhiex għamara, u għalhekk ikollu jħalli ħwejġu mal-art jew fuq is-sodda.

Azzopardi semma wkoll episodju fejn laqgħa ppjanata bejn il-probation officer u l-minuri ġiet ikkanċellata minħabba attività ta’ erba’ sigħat ma’ priġunieri żgħażagħ oħra.

Skontu, l-attività kienet farewell party għal social worker li l-minuri lanqas kien jaf, u ż-żagħżugħ tħalla jattendi għal siegħa biss, filwaqt li tilef il-laqgħa mal-probation officer.

Jallega kuntatt privat mal-Maġistrat

L-avukat kompla jallega li Siegersma pprova jikkomunika privatament mal-Maġistrat li qed tisma’ l-każ qabel seduta tal-Ġimgħa.

Skont Azzopardi, id-Direttur bagħat messaġġ fuq WhatsApp lill-Maġistrat f’tentattiv apparenti biex terġa’ tikkunsidra digriet li kienet tat qabel.

Huwa qal li l-Maġistrat waqqfet minnufih il-konversazzjoni.

Azzopardi qal li dan qajjem aktar tħassib dwar kif Direttur tal-Ħabs seta’ jipprova javviċina Maġistrat barra l-awla filwaqt li, fl-istess ħin, allegatament ma kienx qed josserva ordnijiet mogħtija mill-istess Qorti.

L-avukat qal li l-kwistjoni wasslet għal argument qawwi waqt is-seduta, fejn talab għar-riżenja ta’ Siegersma u sejjaħlu “chicken”.

“Bdejt ngħajjatlu fil-Qorti u ngħidlu li għandu jistħi,” qal Azzopardi.

Huwa qal ukoll li l-Ambaxxatur Taljan kien preżenti għas-seduta u sostna li l-konfront ħoloq problema diplomatika.

Jitlob ukoll skrutinju fuq it-tmexxija tal-ħabs

Azzopardi staqsa wkoll kemm Siegersma għandu kontroll effettiv fuq il-ġestjoni tal-Faċilità Korrettiva.

Huwa qal li d-Direttur sostna fil-Qorti li huwa responsabbli biss mill-amministrazzjoni, filwaqt li, skont Azzopardi, ir-responsabbiltajiet tiegħu jkopru l-operat kollu tal-ħabs, inkluż budget annwali ta’ madwar €33 miljun.

Għaldaqstant, l-avukat talab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jeżamina jekk il-ħabs hux qed jitmexxa kif suppost.

Huwa saħaq li ma kienx qed jagħmel allegazzjoni ta’ irregolaritajiet finanzjarji, iżda qal li kellu “riżervi u suspetti” u għalhekk kien qed jitlob skrutinju indipendenti.

Azzopardi kkritika wkoll lil Siegersma talli, skontu, qed jitfa’ responsabbiltà fuq uffiċjali subordinati minflok jieħu responsabbiltà hu stess għall-mod kif qed jitmexxa l-każ.

More in Kronaka