Joseph Farrugia jirritorna l-unur nazzjonali wara l-ħelsien ta’ Yorgen Fenech

L-eks direttur ġenerali tal-MEA jgħid li tilef il-fiduċja fir-repubblika u li m’għadux iħossu kburi bil-pajjiż wara l-iżviluppi marbuta mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Ritratt: DOI
Ritratt: DOI

L-eks direttur ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joseph Farrugia, irritorna lill-Istat il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika, hekk kif qal li tilef il-fiduċja tiegħu fir-repubblika wara l-eżitu tal-proċeduri kontra Yorgen Fenech b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’ittra indirizzata lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, Farrugia qal li d-deċiżjoni ħadha b’qalb tqila, filwaqt li esprima tħassib serju dwar dak li jqis bħala nuqqas ta’ ġustizzja u dgħufija fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Farrugia ngħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fl-2024, ftit wara li temm kważi 25 sena fit-tmexxija tal-Malta Employers’ Association. Huwa ddeskriva l-unur bħala simbolu mhux biss ta’ rikonoxximent għall-ħidma tiegħu, iżda wkoll ta’ rabta ta’ lealtà u kburija lejn Malta.

Madankollu, fl-ittra tiegħu qal li llum jinsab għaddej minn kriżi ta’ fiduċja fil-pajjiż u fl-istituzzjonijiet tiegħu.

“Għandi kriżi kbira llum għaliex bl-ikbar onestà ngħidlek li llum m’iniex kburi b’pajjiżi,” kiteb Farrugia.

Huwa rabat id-deċiżjoni tiegħu mal-ħelsien ta’ Fenech mill-akkużi ta’ kompliċità u konfoffa fil-qtil ta’ Caruana Galizia, u qal li minkejja li f’dan il-każ tressqu persuni l-Qorti, huwa xorta ma jħossx li saret ġustizzja.

Farrugia rrefera wkoll għal każijiet oħra ta’ qtil li għal snin twal baqgħu jqanqlu mistoqsijiet dwar il-kapaċità tal-pajjiż li jagħlaq każijiet serji u sensittivi. Fost dawn semma l-qtil ta’ Karin Grech u Raymond Caruana, kif ukoll il-każijiet ta’ Sion Grech u Lassana Cisse.

Skont Farrugia, dawn il-każijiet ikomplu jsaħħu s-sens tiegħu li s-sistema tal-ġustizzja mhux dejjem qed twassal għar-riżultati li ċ-ċittadini jistennew minnha.

Minkejja d-deċiżjoni li jirritorna l-midalja, Farrugia esprima fiduċja u rispett personali lejn il-President, u għamilha ċara li l-pass tiegħu mhuwiex indirizzat lejha.

Huwa qal ukoll li se jibqa’ impenjat li jagħti sehmu lill-pajjiż, minkejja d-diżillużjoni li esprima dwar id-direzzjoni li, fil-fehma tiegħu, ħadet Malta.

Farrugia mexxa l-MEA bejn l-2001 u l-2024 u matul dawk is-snin irrappreżenta lill-assoċjazzjoni f’numru ta’ fora nazzjonali, fosthom il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u l-Bord dwar ir-Relazzjonijiet tal-Impjieg. Huwa serva wkoll bħala President tal-MCAST bejn l-2010 u l-2013, filwaqt li huwa magħruf ukoll bħala artist viżiv.

More in Kronaka