Abela jiddiskuti estensjoni tat-titjiriet diretti bejn Malta u New York għall-2027

Il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ Delta Air Lines u BlackRock fi New York, b’diskussjonijiet dwar aktar konnettività mal-Istati Uniti u investiment f’Malta

Ritratt: DOI
Ritratt: DOI

Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta l-possibbiltà li r-rotta diretta ta’ Delta Air Lines bejn New York u Malta tkompli topera wkoll fl-2027.

Waqt żjara fi New York, Abela ltaqa’ mal-Viċi President ta’ Delta Air Lines Scott Jordan, fejn ġew diskussi r-riżultati tar-rotta bejn l-ajruport JFK u Malta, kif ukoll il-possibbiltà li din tiġi estiża għas-sena d-dieħla.

Ir-rotta bdiet topera tliet darbiet fil-ġimgħa f’Ġunju u, sal-21 ta’ Settembru, kellha rata medja ta’ okkupanza tas-siġġijiet ta’ 84%.

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll modi kif Malta tista’ tkompli tiġi promossa fis-suq Amerikan.

Abela qal li l-konnessjoni diretta diġà qed tgħin lit-turiżmu u lin-negozju, filwaqt li qed tiftaħ aktar opportunitajiet ta’ konnessjoni mas-suq Amerikan.

“L-għan tagħna huwa ċar: nibnu ekonomija aktar b’saħħitha u kompetittiva li toħloq opportunitajiet aħjar għan-nies, għan-negozji u għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Prim Ministru.

F’laqgħa separata ma’ rappreżentanti ta’ BlackRock, ġew diskussi wkoll opportunitajiet għal aktar investiment f’Malta.

Abela tkellem dwar il-prestazzjoni tal-ekonomija Maltija, l-istabbiltà tal-pajjiż u l-isforzi biex jiġi attirat investiment f’setturi strateġiċi u innovattivi.

Huwa saħaq li Malta għandha tibqa’ sieħeb kredibbli u kompetittiv għall-investituri internazzjonali, filwaqt li l-investiment li jidħol fil-pajjiż għandu jissarraf f’impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin.

More in Kronaka