Malta u l-Istati Uniti jiffirmaw ftehim biex air marshals ikunu jistgħu joperaw fuq titjiriet magħżula

Il-ftehim għandu jsaħħaħ is-sigurtà fuq titjiriet internazzjonali u jagħti lil Malta aċċess għal metodi u taħriġ aktar avvanzati fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni

Ritratt: US Embassy
Ritratt: US Embassy

Malta ffirmat ftehim mas-Stati Uniti dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, li se jippermetti l-użu ta’ uffiċjali tas-sigurtà abbord ċerti titjiriet internazzjonali bħala parti mill-ġlieda kontra theddid terroristiku.

Il-ftehim jawtorizza l-użu ta’ International In-Flight Security Officers, magħrufa wkoll bħala air marshals, jiġifieri uffiċjali tas-sigurtà jew tal-infurzar li jivvjaġġaw fuq ajruplani kummerċjali bil-għan li jipproteġu lill-ekwipaġġ u lill-passiġġieri.

Permezz tal-ftehim, Malta mistennija tikseb ukoll aċċess għal metodi ġodda ta’ sigurtà u kunċetti ta’ taħriġ biex tkompli ssaħħaħ il-programmi eżistenti tagħha fil-qasam tal-avjazzjoni.

Il-ftehim tħabbar il-Ħamis mill-Ministru għas-Sigurtà Glenn Bedingfield u mill-Ambaxxatriċi Amerikana Somers Farkas, li ddeskrivewh bħala pass ’il quddiem fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kontra theddid terroristiku.

Fi stqarrija ntqal li programmi ta’ dan it-tip qed jespandu madwar id-dinja, b’mod partikolari fl-Ewropa, u jistgħu jservu bħala l-aħħar linja ta’ difiża kontra theddid għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

Bedingfield qal li, bħala stat gżira, l-avjazzjoni hija essenzjali għall-konnettività u l-prosperità ta’ Malta, u għalhekk hemm bżonn li jinżammu standards għoljin ta’ sigurtà filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali.

“Dan il-ftehim mal-Istati Uniti jirrifletti d-determinazzjoni komuni tagħna li nsaħħu s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-kooperazzjoni f’ambjent globali dejjem aktar kumpless,” qal Bedingfield.

Farkas, min-naħa tagħha, qalet li l-amministrazzjoni Amerikana qed tagħti prijorità lis-sigurtà nazzjonali u globali, u sostniet li s-sigurtà u l-prosperità jimxu id f’id.

Hija rreferiet ukoll għall-pjanijiet għal titjiriet diretti bejn New York u Malta, li ddeskriviet bħala opportunità storika għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Skont Farkas, il-ftehim idaħħal lil Malta f’qafas internazzjonali ta’ kooperazzjoni kontra theddid għall-avjazzjoni ċivili, permezz ta’ qsim ta’ informazzjoni, prattiċi komuni ta’ sigurtà u kollaborazzjoni aktar mill-qrib.

More in Kronaka