BirdLife Malta qed tappella lill-Gvern biex ma jkomplix bi proposti li, skontha, jistgħu jdgħajfu l-penali taħt ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.
L-għaqda sostniet li f’mument meta għadhom qed jiġu rkuprati għasafar protetti milquta mit-tiri, il-prijorità għandha tkun infurzar aktar b’saħħtu u protezzjoni aktar effettiva, mhux tnaqqis fil-konsegwenzi għal min jikser il-liġi.
Waqt konferenza stampa, BirdLife qalet li d-diskussjoni dwar il-penali waslet ukoll quddiem il-Kumitat ORNIS, fejn ġew ippreżentati proposti għal bidliet fil-penali. L-għaqda qalet li oġġezzjonat għal diversi minn dawn il-proposti.
Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta, Nicholas Barbara, qal li waħda mill-aktar proposti li tqajjem tħassib hija tnaqqis sostanzjali fil-penali għal min joqtol għasfur protett skedat.
Huwa rrefera għall-qtil riċenti ta’ Black Stork u sostna li jekk il-penali eżistenti għadhom ma humiex biżżejjed biex iservu ta’ deterrent, ma jagħmilx sens li jitnaqqsu.
Il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima qal li t-tnaqqis fil-penali ma jagħti l-ebda benefiċċju lil kaċċatur li josserva l-liġi, iżda jista’ jibbenefika lil dawk li jiksruha jew jistgħu jiksruha.
BirdLife kkontestat ukoll l-argument li l-penali huma sproporzjonati meta mqabbla ma’ multi tat-traffiku, u qalet li għandhom jitqabblu ma’ liġijiet b’għan simili, bħall-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali.
Skont l-għaqda, l-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali jipprevedi multi ferm ogħla f’ċerti każijiet, u għalhekk tqabbil ma’ kontravenzjonijiet tat-traffiku ma jirriflettix in-natura tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-għasafar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, qal li l-għan ewlieni tal-liġi huwa l-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi, u li l-kaċċa hija attività regolata fi ħdan dak il-qafas, mhux l-għan ewlieni tal-liġi.
BirdLife qajmet ukoll tħassib dwar proposti li jistgħu jippermettu lil persuni li tilfu l-liċenzja tal-kaċċa jew l-insib wara ksur tal-liġi biex eventwalment jerġgħu jiksbuha.
L-għaqda qalet li l-Gvern għandu jispjega għaliex irid jiffaċilita r-ritorn ta’ dawn il-privileġġi u fuq liema evidenza ta’ konservazzjoni qed jibbaża tali bidla.
Sultana saħaq li l-pożizzjoni ta’ BirdLife mhix kontra l-kaċċaturi li josservaw il-liġi, iżda kontra l-kaċċa illegali.
BirdLife qalet li l-fatt li għadhom jinstabu għasafar protetti feruti minn pellets juri li l-problema mhix deterrent eċċessiv, iżda li għasafar protetti għadhom qed jiġu sparati.
L-għaqda għalhekk qed titlob lill-Gvern biex ma jnaqqasx il-penali u biex kull tibdil fil-liġi jkun ibbażat fuq il-konservazzjoni, infurzar effettiv u rispett lejn is-saltna tad-dritt