Il-PN jgħid li l-kumpens għall-qtugħ tad-dawl għadu ma ngħatax xahrejn wara l-wegħda

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-kumpens lill-familji u n-negozji milquta mill-qtugħ tad-dawl jingħata b’mod awtomatiku, fuq kriterji ċari u mingħajr aktar dewmien.

Il-PN qed jgħid li, xahrejn wara l-wegħda ta’ kumpens għall-familji u n-negozji milquta mill-qtugħ tad-dawl, għadhom ma sarux ħlasijiet u lanqas ġew ippubblikati l-formoli tal-applikazzjoni
Il-PN qed jgħid li, xahrejn wara l-wegħda ta’ kumpens għall-familji u n-negozji milquta mill-qtugħ tad-dawl, għadhom ma sarux ħlasijiet u lanqas ġew ippubblikati l-formoli tal-applikazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista qal li, xahrejn wara li l-Gvern wiegħed kumpens lill-familji u lin-negozji li sofrew telf minħabba l-qtugħ tad-dawl matul is-sajf, il-ħlasijiet għadhom ma sarux u lanqas ma ġew ippubblikati l-formoli tal-applikazzjoni.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-kumpens għandu jingħata immedjatament lil dawk milquta, u rrefera wkoll għall-appell li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt il-mass meeting tal-Indipendenza.

Il-partit qal li d-dewmien qed jolqot b’mod partikolari lin-negozji ż-żgħar, li kellhom iġorru minnufih spejjeż marbuta mal-qtugħ tad-dawl filwaqt li għadhom jistennew il-kumpens imwiegħed.

Il-PN għamel referenza wkoll għal kummenti tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ, William Spiteri Bailey, dwar il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi, u staqsa jekk il-Gvern hux qed iqis il-kumpens bħala spiża addizzjonali li jrid jevita.

Din il-mistoqsija hija interpretazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li sostna li l-kumpens għandu jitqies bħala dritt ta’ dawk li ġarrbu telf minħabba qtugħ fil-provvista tal-elettriku.

Il-partit qed jipproponi li l-kumpens bażiku jingħata awtomatikament, billi l-Gvern u l-Enemalta jużaw id-data li għandhom dwar fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam.

Għal telf ieħor, fosthom ħsarat fl-apparat, prodotti jew stock li kellhom jintremew, telf ta’ bejgħ jew għeluq temporanju tan-negozju, il-PN qed jitlob proċess separat li jkun sempliċi u effiċjenti.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Michael Piccinino, Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi; Darren Carabott, Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi; u Mark Anthony Sammut, Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent.

 

More in Kronaka