Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lill-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney fil-Parlament Ewropew hekk kif il-Kanada u l-Unjoni Ewropea qed ifittxu li japprofondixxu r-relazzjoni strateġika tagħhom.
Il-laqgħa ssegwi t-tħabbira tal-Erbgħa li fetħet il-bieb biex il-Kanada ssir l-ewwel membru assoċjat tal-Unjoni Ewropea.
Metsola qalet li hemm “potenzjal għal kollaborazzjoni eqreb fuq kwistjonijiet li jolqtu lin-nies, lill-familji u lill-industrija fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku”, minn difiża u kummerċ sal-enerġija, l-edukazzjoni u r-riċerka.
Hija ddeskriviet l-iżvilupp bħala “pass kbir u pożittiv ’il quddiem”, li jista’ jwassal għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha fuq diversi livelli.
Carney laqa’ l-ambizzjoni tal-UE.
“Ilbieraħ, il-President von der Leyen tkellmet dwar li mmorru lil hinn mis-CETA lejn Alliance for the Future, u fetħet il-bieb biex il-Kanada ssir l-ewwel membru assoċjat tal-Unjoni Ewropea. Aħna nilqgħu din l-ambizzjoni,” qal.
Il-Prim Ministru Kanadiż ressaq ukoll proposti konkreti dwar kif tista’ tissaħħaħ ir-relazzjoni.
Huwa sejjaħ għal “kooperazzjoni profonda” fuq kapaċitajiet strateġiċi bħall-minerali kritiċi, il-kapaċità industrijali tad-difiża, l-intelliġenza artifiċjali, il-computing, is-sigurtà tal-enerġija, l-ispazju u s-sistemi ta’ pagamenti.
Il-kummenti waslu wara li l-President Amerikan Donald Trump qal li l-arranġament propost jista’ jitqies bħala “att ostili” u hedded lill-Ewropa b’tariffi qawwija.
Trump kien iddeskriva l-pjan bħala “laughable”, u qal li jekk iqisu bħala att ostili, jista’ jimponi tariffi serji jew jirrestrinġi l-kummerċ mal-Ewropa f’diversi oqsma.
Carney ma semmiex lil Trump b’ismu, iżda qal li “l-integrazzjoni ekonomika issa qed tintuża bħala arma, bit-tariffi jintużaw biex tiġi eżerċitata pressjoni”.
Huwa ppropona wkoll li l-Kanada tingħaqad ma’ Erasmus+, il-programm Ewropew ta’ skambju għall-istudenti, u tipparteċipa f’Horizon, il-programm tal-UE għall-finanzjament tar-riċerka.
Fuq l-enerġija, Carney qal li l-Kanada tista’ tikkontribwixxi LNG u hydrogen fuq skala kbira biex issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, inkluż permezz ta’ infrastruttura ġdida tal-portijiet fit-Tramuntana u fuq il-kosta tal-Lvant tal-Kanada.
Huwa sejjaħ ukoll għal kummerċ diġitali aktar faċli f’oġġetti mhux agrikoli u firxa wiesgħa ta’ servizzi, kif ukoll għal aktar libertà għaċ-ċittadini biex jgħixu, jaħdmu u jistudjaw fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
Carney insista li l-għan mhuwiex li jinħoloq “it-tielet blokk” biex jikkompeti ma’ potenzi oħra.
“Mhux qed nipproponu t-tielet blokk biex insiru rivali ta’ potenzi kbar, sempliċement b’manjieri aħjar,” qal.
Huwa żied li l-għan huwa li tinbena aktar reżiljenza sabiex ħadd ma jkun jista’ jikkontrolla swieq miftuħa, idgħajjef is-sovranità jew jhedded il-libertajiet, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.