Talba ta’ David Casa dwar allegat sperġur ta’ Yorgen Fenech tintbagħat għand il-Kummissarju tal-Pulizija

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kkonferma li t-talba tal-MEP Nazzjonalista għal investigazzjoni dwar ix-xhieda mogħtija minn Fenech taħt ġurament intbagħtet lill-Pulizija “għall-investigazzjoni meħtieġa”

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kkonferma li talba tal-MEP Nazzjonalista David Casa għal investigazzjoni dwar allegat sperġur minn Yorgen Fenech intbagħtet lill-Kummissarju tal-Pulizija “għall-investigazzjoni meħtieġa”.

It-talba ta’ Casa tiffoka fuq xhieda li Fenech ta taħt ġurament, fejn sostna li Electrogas u 17 Black ma kellhom ebda rabta ma’ xulxin, u ddeskrivihom bħala “apples and oranges”.

“‘Apples and oranges’ hija insult għall-intelliġenza tal-pubbliku. Fenech kien qed jagħti xhieda taħt ġurament f’ġuri dwar qtil. Irid iwieġeb dwar kemm dak li qal lill-Qorti kien veru,” qal Casa.

Fl-ittra tiegħu, Casa qal li hemm dak li ddeskriva bħala kontradizzjoni apparenti bejn ix-xhieda ta’ Fenech u evidenza dokumentarja u finanzjarja dwar 17 Black, is-sjieda tagħha, l-allegat rwol tagħha fi ħlasijiet intenzjonati lil kumpaniji marbuta ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern, u r-rabtiet bejn dawn l-arranġamenti u Electrogas.

Casa qal li dawn ma kinux dettalji sekondarji, iżda materji marbuta mal-korruzzjoni li kienet qed tinvestiga Daphne Caruana Galizia u li, skontu, kienu rilevanti għall-argument tal-prosekuzzjoni dwar il-motiv.

“Li wieħed jipprova jwarrabhom b’frażi bħal din jagħmel l-iskrutinju xieraq aktar urġenti,” qal.

Casa talab lill-awtoritajiet jiżguraw ir-recording sħiħ u t-traskrizzjoni tax-xhieda ta’ Fenech u jqabblu dak li qal b’mod preċiż ma’ records bankarji, komunikazzjonijiet u evidenza oħra li għandhom fil-pussess tagħhom.

Huwa sostna wkoll li l-ħelsien ta’ Fenech mill-akkużi m’għandux ikun “l-aħħar kelma” u appella biex jiġu esplorati l-mezzi legali kollha disponibbli.

“Lanqas il-verdett ma jista’ jqiegħed ix-xhieda taħt ġurament ta’ Fenech lil hinn mill-iskrutinju. Jekk huwa gideb apposta taħt ġurament dwar materji ċentrali għall-każ, dan ikun affront serju għall-ġustizzja u għandu jkollu konsegwenzi kriminali,” qal Casa.

Il-MEP qal li issa huwa f’idejn il-Kummissarju tal-Pulizija li jiżgura investigazzjoni bir-reqqa u mingħajr dewmien, u li tittieħed azzjoni kriminali jekk l-evidenza tiġġustifikaha.

“Ir-riferiment irid iwassal għal azzjoni. Jekk Fenech ta xhieda falza b’mod konxju, irid jiffaċċja l-konsegwenzi,” qal Casa.

More in Kronaka