Il-Gvern ħabbar titjib fil-pensjonijiet u inċentivi ġodda għall-membri tal-korpi dixxiplinati, bil-għan li jirrikonoxxi s-servizz tagħhom u jħeġġeġ aktar persuni b’esperjenza jibqgħu fil-karriera għal aktar snin.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, il-Ministru għall-Intern Glen Bedingfield qal li l-miżuri japplikaw għall-membri tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u s-servizzi korrettivi.
Bedingfield qal li dawn huma l-persuni li ta’ kuljum jipproteġu lill-pajjiż, iżommu l-ordni, jirrispondu għall-emerġenzi u jaħdmu biex jiżguraw is-sigurtà pubblika.
Huwa qal li d-dedikazzjoni lejn l-uniformi u lejn il-pajjiż għandha tkun rikonoxxuta wkoll permezz ta’ kundizzjonijiet aħjar.
Il-Ministru fakkar li tliet snin ilu l-Gvern kien introduċa titjib fil-pensjoni tal-membri tal-korpi dixxiplinati, b’żieda ta’ 23%.
Issa, qal, din iż-żieda se titla’ għal 29%.
Bedingfield ħabbar ukoll miżura oħra għal dawk li jkunu laħqu 29 sena ta’ servizz u jagħżlu li jibqgħu jaħdmu għal aktar snin.
Għal kull sena addizzjonali ta’ servizz, dawn se jingħataw allowance mhux taxxabbli ekwivalenti għal nofs paga ta’ sena, għal sitt snin minflok erbgħa.
Skont il-Ministru, l-għan hu li membri b’esperjenza jibqgħu jagħtu kontribut tagħhom u jgħaddu l-għarfien miksub lil dawk li jkunu għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom.
Huwa qal li l-miżuri huma wkoll maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet fis-settur u jħeġġu aktar ċittadini Maltin jidħlu fil-korpi dixxiplinati.
“Ma tistax tibni forzi dixxiplinati b’saħħithom jekk ma tinvestix fin-nies,” qal Bedingfield.
Huwa sostna li ż-żamma ta’ ħaddiema b’esperjenza tfisser ukoll investiment f’aktar għarfien u kompetenza li jistgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra fi ħdan il-korpi.
Il-Ministru rabat il-miżuri wkoll mal-kwalità tal-ħajja, u qal li investiment fil-korpi dixxiplinati huwa fl-istess waqt investiment fis-sigurtà tal-pajjiż.
Skontu, sens akbar ta’ sigurtà jagħti wkoll aktar serħan il-moħħ lill-familji u lill-komunitajiet.
Bedingfield qal li l-miżuri huma parti mill-impenn tal-Gvern li jwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu mingħajr dewmien.
“Intom tagħtu ħafna lil pajjiżna, u issa huwa l-mument li l-pajjiż jagħti aktar lura,” qal, filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha tal-korpi dixxiplinati għas-servizz u d-dedikazzjoni tagħhom.