Kaċċatur f’Għawdex se jitressaq il-Qorti wara li allegatament inqabad jispara fuq gamima erba’ sigħat biss wara li ngħalaq l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa.
Il-Malta Ranger Unit qalet li wieħed mir-rangers tagħha sema’ arma li dehret li kienet ġiet modifikata illegalment. Skont l-organizzazzjoni, armi bħal dawn jistgħu jiġu adattati biex jisparaw ħames tiri konsekuttivi minflok il-limitu legali ta’ tlieta.
Ir-ranger imbagħad lemaħ lill-kaċċatur u, skont il-MRU, rah jispara fuq gamima u jaħbi l-għasfur.
L-inċident seħħ erba’ sigħat biss wara li l-Wild Birds Regulation Unit għalqet l-istaġun tal-gamiem wara li ntlaħqet il-kwota nazzjonali ta’ 500 għasfur.
L-istaġun kien fetaħ fl-1 ta’ Settembru, ġimagħtejn qabel.
Ir-ranger ikkuntattja minnufih lill-Pulizija u ħa ritratti tal-kaċċatur, li aktar tard ġew mgħoddija lill-Pulizija f’Għawdex.
Skont il-MRU, dawn ir-ritratti għenu lill-Pulizija tidentifika malajr lis-suspettat.
L-organizzazzjoni qalet li l-kaċċatur issa se jiffaċċja akkużi fil-Qorti, filwaqt li rringrazzjat lill-Pulizija għar-rispons tagħha.
Il-MRU reġgħet ġibdet l-attenzjoni wkoll għall-fatt li Għawdex għad m’għandux Environmental Protection Unit tiegħu, li skont l-organizzazzjoni jista’ jgħin biex jiskoraġġixxi illegalitajiet ta’ dan it-tip.
L-inċident seħħ fl-istess żmien li fih żdiedu sew ir-rapporti ta’ kaċċa illegali wara l-maltemp fuq il-Mediterran, li wassal biex għadd kbir ta’ għasafar tal-passa jieqfu f’Malta biex jistkennu.
BirdLife Malta qalet li matul il-Ħadd filgħaxija u t-Tnejn filgħodu ġew osservati qatgħat kbar ta’ gamiem, fras-servjenti, bilbla u spanjulets żgħar waqt il-passa tagħhom lejn l-Afrika.
Skont BirdLife, il-maltemp waqqaf temporanjament il-vjaġġ tagħhom, iżda diversi għasafar spiċċaw fil-mira tal-kaċċa.
Madwar il-gżejjer ġew irrappurtati għasafar itiru bi ġrieħi minn tiri ta’ senter, filwaqt li oħrajn kellhom jiġu salvati wara li ġew milquta waqt it-titjira.