Kważi nofs l-għasafar tal-passa qed jonqsu hekk kif qed jispiċċaw mingħajr postijiet fejn jieqfu jistrieħu
Rapport ġdid ta’ BirdLife International iwissi li 45% tal-ispeċi tal-passa jinsabu fi tnaqqis, b’wieħed minn kull disa’ speċi mhedded bl-estinzjoni.
minn Jaelle Borg
Kważi nofs l-ispeċi ta’ għasafar tal-passa madwar id-dinja jinsabu fi tnaqqis, hekk kif pressjonijiet marbuta mal-attività tal-bniedem qed inaqqsu l-ħabitats u s-siti essenzjali li jużaw matul il-vjaġġi tagħhom.
Dan joħroġ mill-aħħar rapport State of the World's Birds ta’ BirdLife International, ippubblikat waqt il-Global Flyways Summit f’Nairobi, il-Kenja. Din hija l-ewwel edizzjoni tar-rapport iddedikata speċifikament lill-għasafar tal-passa u r-rotot li jiddependu fuqhom.
Skont ir-rapport, 45% tal-ispeċi ta’ għasafar tal-passa qed jonqsu, filwaqt li wieħed minn kull disa’ speċi jinsab mhedded bl-estinzjoni.
Ir-rapport jagħmel referenza wkoll għall-estinzjoni tal-Gurlin Żgħir fl-2025, li kienet l-ewwel estinzjoni globali ta’ speċi ta’ għasfur fl-Ewropa, fl-Asja kontinentali u fl-Afrika f’dawn l-aħħar sekli.
Sitt speċi oħra tal-passa huma kkonfermati jew suspettati li għebu matul dawn l-aħħar 150 sena.
L-aktar speċi li jinsabu f’riskju huma dawk li jiddependu fuq ħabitats tal-baħar, foresti u artijiet mistagħdra kostali. It-tajr tal-baħar u l-għasafar tal-plajja huma fost dawk l-aktar mhedda.
BirdLife tgħid li t-tnaqqis huwa marbut ma’ diversi fatturi kkawżati mill-bniedem, fosthom speċi invażivi, l-intensifikazzjoni tal-agrikoltura, it-tibdil fil-klima u l-kaċċa mhux sostenibbli.
Madankollu, ir-rapport jgħid li hemm ukoll lok għal tama.
BirdLife tgħid li meta l-konservazzjoni ssir tul rotta sħiħa tal-passa, u mhux biss f’siti individwali, il-popolazzjonijiet tal-għasafar jistgħu jirkupraw.
Bħala eżempju, il-ħidma kkoordinata bejn diversi pajjiżi għall-protezzjoni tal-Avultun Abjad irnexxielha twaqqaf it-tnaqqis fil-popolazzjoni li tbejjet fil-Balkani.
Il-Kap Xjentifiku ta’ BirdLife International, Stuart Butchart, qal li l-għasafar tal-passa huma indikatur tas-saħħa tas-sistemi naturali u li t-tnaqqis tagħhom juri pressjoni dejjem tikber fuq l-ekosistemi.
Huwa sostna li l-evidenza turi li l-konservazzjoni taħdem, iżda jeħtieġ li l-miżuri jiġu implimentati fuq skala ħafna usa’, tul rotot tal-passa sħaħ.
BirdLife tispjega li dawn ir-rotot, magħrufa bħala flyways, mhumiex sempliċement linji fuq mappa iżda netwerks ta’ ħabitats u siti kritiċi mifruxa fuq diversi pajjiżi.
Dawn jinkludu l-postijiet fejn l-għasafar ibejtu, iż-żoni fejn jieqfu jistrieħu matul il-passa u l-ħabitats fejn iqattgħu l-bqija tas-sena. Jekk wieħed minn dawn is-siti jintilef jew jiddgħajjef, il-katina kollha tista’ tkun affettwata.
Waqt is-summit f’Nairobi, gvernijiet, xjenzati, NGOs u organizzazzjonijiet ta’ konservazzjoni ffirmaw ukoll in-Nairobi Flyways Declaration, li timpenja lill-firmatarji biex isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-għasafar tal-passa.
Fl-istess ħin, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qed iżidu l-investiment f’dan il-qasam.
Skont BirdLife, aktar minn $6 biljun ġew mobilizzati għall-konservazzjoni mill-2021, filwaqt li diversi banek għall-iżvilupp qed jintegraw il-protezzjoni tal-flyways fil-programmi ta’ finanzjament tagħhom.
Għal Malta, il-kwistjoni għandha wkoll dimensjoni partikolari minħabba l-pożizzjoni tal-gżejjer fil-qalba tal-Mediterran.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, qal li Malta tinsab fuq waħda mill-aktar rotot importanti tal-passa fid-dinja u għalhekk għandha responsabbiltà kbira fil-protezzjoni tal-għasafar u l-ħabitats tagħhom.
Huwa qal li BirdLife Malta hija determinata li tkompli ssaħħaħ u twessa’ l-ħidma ta’ konservazzjoni tagħha, kemm għall-għasafar kif ukoll għan-natura u għan-nies.
