Yorgen Fenech: il-ġuri li kellu jwieġeb min ordna l-qtil ta’ Daphne — u spiċċa mingħajr ħati

Wara 55 jum ta’ ġuri u verdett ta’ 8 kontra 1 li llibera lil Yorgen Fenech, tibqa’ bla tweġiba l-mistoqsija li ilha tidwi mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia: min ordna l-assassinju tagħha?

Għal disa’ snin, il-mistoqsija kienet imdendla fuq Malta bħal sħaba li ma riditx titlaq. Min ordna lil dawk l-irġiel biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia? Min ħallas? Min kien jaf? Min ipprova jikkontrolla l-ħsara wara li l-bomba splodiet u qerdet il-karozza tagħha fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017? 

U, fuq kollox, min kien il-moħħ wara qtil li biddel Malta, waqqa’ gvern u wassal għal investigazzjonijiet internazzjonali u għal inkjesta pubblika li sabet li l-Istat kien ħoloq klima ta’ impunità? 

Għal ħafna, it-tweġiba kienet ilha magħrufa: Yorgen Fenech. 

Il-prosekuzzjoni marret il-Qorti b’din it-teżi. Fenech, wieħed mill-aktar negozjanti magħrufa ta’ Malta, kien li kkummissjona l-qtil u ffinanzja l-operazzjoni permezz ta’ Melvin Theuma. 

Iżda wara ġuri ta’ madwar xahrejn, 55 jum ta’ smigħ, ammont enormi ta’ evidenza diġitali u għexieren ta’ xhieda, disa’ ġurati ħarġu b’verdett li qal l-oppost. 

Mhux ħati. 

Tmien ġurati kontra wieħed fuq l-ewwel akkuża — kompliċità fil-qtil volontarju ta’ Daphne — u l-istess fuq it-tieni akkuża, dik ta’ assoċjazzjoni kriminali. 

Fenech għalhekk telaq mill-awla bħala persuna lliberata. 

Iżda l-verdett ma weġibx il-mistoqsija dwar min ikkummissjona l-qtil. Fil-fatt, qajjem aktar dubji minn qatt qabel. 

 

Kollox beda b’€150,000 

Il-prosekuzzjoni bbażat il-każ tagħha fuq pilastru ewlieni: Melvin Theuma. 

Theuma ma kienx xhud ordinarju. Kien il-middleman li ammetta l-involviment tiegħu fil-konfoffa, u li wara ngħata maħfra presidenzjali b’rabta mal-każ tal-qtil kif ukoll ma’ każijiet kriminali oħra. L-Imħallef Edwina Grima fakkret lill-ġurati li l-maħfra kienet tkopri ħames każijiet, fosthom il-qtil ta’ Daphne u każijiet ta’ ħasil ta’ flus u hold-ups. 

Theuma qal li kien Yorgen Fenech li tah l-ordni biex iqabbad lil xi ħadd biex joqtlu lil Caruana Galizia. Qal li Fenech kien tah €150,000 għall-qtil. U fuq dan il-prosekuzzjoni ppruvat tibni l-każ kollu. 

Iżda Theuma kellu problema waħda enormi: il-kredibbiltà. 

Id-difiża ma kinitx qed tipprova biss turi li Theuma kien kriminal. Dak kien diġà magħruf. Kellha turi li kien persuna li seta’ jbiddel il-verżjoni tiegħu, jesaġera, jinterpreta jew saħansitra jivvinta elementi biex isalva lilu nnifsu. 

U dan għamlitu b’mod sistematiku. Kull kontradizzjoni saret arma. Kull dettall li ma kienx jaqbel ma’ xhud ieħor sar mistoqsija. Kull parti mill-istorja li ma kinitx sostnuta minn evidenza indipendenti saret punt ta’ dubju. 

U l-prosekuzzjoni wieġbet li Theuma ma kellux għalfejn ikun perfett. Għax, minbarra kliemu, kien hemm ir-recordings. 

 

Il-vuċi ta’ Fenech stess 

Theuma kien irreġistra konverżazzjonijiet ma’ Fenech. U dawk ir-recordings taw lill-ġurati xi ħaġa differenti minn sempliċi “qal dan” kontra “qal dak”. 

Kien hemm il-vuċi tal-akkużat innifsu. 

Il-prosekuzzjoni qalet lill-ġurati biex jisimgħu mhux biss x’qal Fenech, iżda x’ma qalx, kif wieġeb, x’kien il-kuntest u x’kien jaf. 

Meta tqajmet il-kwistjoni tal-€150,000, il-prosekuzzjoni enfasizzat il-kliem “I remember” bħala wieħed mill-indikazzjonijiet li Fenech ma kienx qed jiċħad sempliċement l-eżistenza tal-ħlas. 

U l-akkuża ppruvat tagħmel argument aktar wiesa’: persuna li ma kellha xejn x’taqsam mal-qtil ma kinitx titkellem ma’ Theuma b’dak il-mod dwar il-qtil, il-flus u l-investigazzjoni. 

Kien hawn li l-prosekutur Godwin Cini kkonfronta lil Fenech bil-frażi: “Your fingerprints are all over this murder.” 

Fenech wieġeb: “It’s not true.” 

Dil-konfrontazzjoni kienet simbolika f’dal-ġuri kollu. 

Lill-ġurati, il-prosekuzzjoni qaltilhom: ħarsu lejn il-munzell kollu. Id-difiża qaltilhom: kull biċċa tal-munzell trid tiġi ppruvata. 

 

Il-prosekuzzjoni: katina li kellha twassal għal Fenech 

L-istrateġija tal-prosekuzzjoni kienet essenzjalment waħda ta’ katina ta’ ċirkostanzi. Theuma kien l-ewwel ħolqa. Il-€150,000 kienet oħra. Ir-recordings oħra. 

Imbagħad ġew dawk li wettqu l-qtil. 

George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat kienu diġà ġew ikkundannati b’rabta mal-qtil. Il-prosekuzzjoni riedet turi li wara l-eżekuzzjoni kien hemm persuna oħra: dik li tat l-ordni. 

Il-każ għalhekk ma kienx sempliċement “Theuma kontra Fenech”. 

Kien: Theuma, ir-recordings, il-flus, il-kuntatti, id-dokumenti, ix-xhieda tal-qattiela, ir-relazzjonijiet politiċi, l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni, u l-imġiba ta’ Fenech. 

Il-prosekuzzjoni qalet lill-ġurati, essenzjalment, li jistgħu jippruvaw jispjegaw kull biċċa waħedha. Imma jekk tgħaqqadhom kollha, il-konklużjoni tkun inevitabbli. 

Kienet strateġija b’saħħitha. Iżda kellha riskju. Għax katina ta’ evidenza hija b’saħħitha biss daqs l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha. 

 

Id-difiża: “L-id moħbija” 

Id-difiża għażlet triq differenti. 

Minflok ma ppruvat sempliċement tgħid lill-ġurati li Fenech kien innoċenti, ippruvat toħloq xenarju alternattiv. Il-qofol tal-argument finali kien espress fil-kliem “l-id moħbija”. 

U f’dan ix-xenarju, l-enfasi kienet fuq Keith Schembri. 

Il-messaġġ tad-difiża kien ċar: jekk il-prosekuzzjoni qed tgħid li Fenech kien il-moħħ, għaliex il-provi ma jippuntawx b’mod aktar ċar lejn persuni oħra li kellhom motiv, poter u konnessjonijiet? 

L-avukati ta’ Fenech ippruvaw jibnu katina oħra. “All roads lead to Keith.” Din kienet waħda mill-frażijiet ewlenin tal-argument tad-difiża. 

Id-difiża ma kellhiex għalfejn tipprova li Schembri kien il-qattiel. Lanqas kellha tipprova li Schembri kien il-moħħ. 

Kellha biss tikkonvinċi lill-ġurati li hemm possibbiltà raġonevoli li l-istorja ma kinitx dik ippreżentata mill-prosekuzzjoni. 

U hawnhekk id-difiża kienet qed tilgħab fuq l-aktar prinċipju importanti ta’ ġuri kriminali: jekk hemm dubju raġonevoli, l-akkużat irid jibbenefika minnu. 

 

Keith Schembri: xhud, suspett politiku u ċentru tal-konfront 

Ix-xhieda ta’ Keith Schembri kienet fost l-aktar mumenti sensittivi tal-ġuri. Schembri ċaħad li kellu x’jaqsam mal-qtil. 

Iżda mbagħad qal xi ħaġa li kienet daqstant splussiva: li Fenech kien b’xi mod implikah li kellu involviment fil-qtil ta’ Daphne. 

Schembri qal ukoll li kien “iffriża” meta Fenech għaddielu dak li fehem bħala indikazzjoni ta’ involviment. 

Għall-prosekuzzjoni, din kienet konferma indiretta tal-involviment ta’ Fenech. 

Għad-difiża, kienet xhieda li kellha tiġi ttrattata b’kawtela kbira. 

Għax Schembri kien innifsu figura ċentrali fl-istorja politika li wasslet għall-kriżi wara l-qtil. 

U d-difiża riedet li l-ġurati jistaqsu: jekk kien hemm persuna li kellha tkun taħt skrutinju, għaliex il-prosekuzzjoni kienet tant iffukata fuq Fenech? 

 

Kenneth Camilleri: żewġ verżjonijiet li ma jaqblux 

Imbagħad kien hemm Kenneth Camilleri. 

Il-verżjonijiet tiegħu dwar il-kuntatti ma’ Theuma u dak li allegatament ġara wara l-qtil ma kinux jaqblu kompletament ma’ dak li qal Theuma. 

U hawn il-ġuri beda jidħol f’territorju perikoluż għall-prosekuzzjoni. Għax ma kienx aktar sempliċement każ ta’ xhud wieħed b’passat kriminali. Kien hemm ix-xhieda ta’ xhieda li ma kinux jaqblu ma’ xulxin. 

Id-difiża qalet lill-ġurati: Jekk il-persuni li kienu qrib il-qalba tal-istorja ma jistgħux jaqblu dwar x’ġara, kif jista’ wieħed jgħid li l-istorja kollha hija ppruvata lil hinn minn kull dubju raġonevoli? 

 

Adrian Vella u l-problema tal-memorja 

Adrian Vella kien punt ieħor ta’ tensjoni. It-tabib Vella kien marbut kemm ma’ Fenech kif ukoll ma’ Schembri u xehed dwar diversi episodji relatati magħhom. Iżda f’punti importanti ġie kkonfrontat b’dikjarazzjonijiet preċedenti u qal li ma jiftakarx ċerti affarijiet. 

Dan sar kruċjali. Għax f’ġuri fejn il-kredibbiltà hija kollox, “ma niftakarx” tista’ tkun risposta sempliċi iżda b’konsegwenzi kbar. 

Il-prosekuzzjoni ppruvat tgħid li l-ġurati kellhom iħarsu lejn il-prova kollha. Id-difiża ppruvat tuża d-diskrepanzi biex turi li l-investigazzjoni nnifisha kienet mimlija lakuni. 

Vella kien ukoll involut fil-kontroversja dwar il-vjaġġ lejn Għawdex. Skont Vella, kienet idea tiegħu li jieħu lil Fenech lejn Għawdex; id-difiża, min-naħa tagħha, ippruvat tpoġġi dan fil-kuntest ta’ tentattiv biex Fenech jiġi megħjun jaħrab. 

U Fenech innifsu kien qal li jekk “jinżel”, kien se “jieħdu miegħu”. Għal darb’oħra, l-istess fatti setgħu jiġu interpretati f’żewġ modi radikalment differenti. 

 

Johann Cremona u l-€400,000 

Imbagħad tela’ jixhed Johann Cremona. L-allegazzjoni tiegħu kienet waħda li, kieku baqgħet mhux ikkontestata, setgħet kienet terremot fil-ġuri. 

Cremona qal li kien ġie offrut sa €400,000 biex jagħti xhieda li tgħin lil Fenech. Iżda mbagħad, taħt pressjoni fil-Qorti, qal: “Ivvintajtha.” 

Għad-difiża, dan kien eżempju perfett tal-problema tal-każ. Allegazzjonijiet kbar. Storja wara oħra. Persuni li jgħidu ħaġa u mbagħad jikkoreġuha. Xhieda li tikkontradixxi xhieda oħra. 

Għall-prosekuzzjoni, l-episodju ma kellux iħassar l-evidenza ewlenija. 

Imma l-ġurati sabu quddiemhom każ fejn il-kredibbiltà ta’ diversi protagonisti kienet qed tiġi sfidata. 

 

Silvio Valletta: meta l-Pulizija tidħol fl-istorja 

Silvio Valletta, Eks Viċi Kap tal-Pulizija, kellu relazzjoni mill-qrib ma’ Fenech. 

Fil-Qorti ħarġu messaġġi li fihom Valletta qal lil Fenech: “We’ll be right behind you.” 

Il-prosekuzzjoni setgħet tuża dan bħala prova ta’ kemm Fenech kellu aċċess għal persuni f’pożizzjonijiet sensittivi. 

Id-difiża, iżda, setgħet tgħid: dan ma jurix li Fenech ordna l-qtil. Juri li kellu relazzjonijiet. Juri li kellu kuntatti. Juri li seta’ jirċievi informazzjoni. Iżda dawn huma affarijiet differenti minn prova li hu kkummissjona l-qtil.  

Din id-distinzjoni kienet kruċjali. 

 

Id-dokumenti fil-boardroom 

Fost l-aktar evidenza materjali interessanti kien hemm dokumenti relatati ma’ Theuma li nstabu fil-boardroom ta’ Fenech. Kien hemm materjal miktub bl-idejn, dokumenti relatati mal-verżjoni ta’ Theuma, ritratt ta’ Theuma ma’ Schembri u dokumenti oħra. 

Għall-prosekuzzjoni, dan kien juri relazzjoni profonda. Kienet evidenza li Theuma ma kienx biss xi middleman li Fenech kien jaf b’mod superfiċjali. 

Għad-difiża, madankollu, il-konklużjoni ma kinitx awtomatika. Relazzjoni mhijiex qtil. Għarfien mhuwiex ordni. Suspett mhuwiex kundanna. 

U din kienet il-linja li d-difiża riedet iżżomm quddiem il-ġurati sal-aħħar. 

 

Fenech jitkellem: “Qatt, qatt, qatt …” 

Meta Fenech innifsu tela’ fuq il-pedana tax-xhieda, il-ġuri ħa xejra differenti. 

Għall-ewwel darba, il-persuna fil-qalba tal-akkuża kienet qed tħares lejn il-ġurati u tagħti l-verżjoni tagħha. Il-kliem tiegħu kien dirett: “Qatt, qatt, qatt ma ordnajt li tinqatel.” 

U kompla jinsisti: “Ma kontx involut f’dal-każ u dan irrid li jkun ċar.” 

Din kienet l-aktar imħatra riskjuża tad-difiża. Għax meta akkużat jixhed, ma jkunx qed jagħti biss verżjoni. Ikun qed joffri lilu nnifsu għal cross-examination. 

Il-prosekuzzjoni kellha ċ-ċans tikkonfrontah b’kull recording, kull messaġġ u kull kontradizzjoni. 

U hekk għamlet. 

 

Il-ġuri kważi sfaxxa qabel ma spiċċa 

Anki qabel ma wasal għall-verdett, il-ġuri kellu mumenti fejn seta’ ħa direzzjoni kompletament differenti. 

Id-difiża talbet li l-ġuri jiġi xolt wara li qajmet tħassib dwar il-fatt li l-ġurati setgħu ġew esposti għal aħbarijiet permezz tat-tablets li kienu qed jużaw. 

L-Imħallef Edwina Grima ċaħdet it-talba u qalet li ma kienx hemm bażi biex il-ġuri jiġi xolt. 

Kien episodju ieħor li wera kemm id-difiża kienet aggressiva biex tikkontesta, mhux biss l-evidenza, iżda l-mod kif kienet qed issir il-proċedura. 

 

L-aħħar battalja: mhux min għandu l-aħjar storja, iżda min għandu l-prova 

Fl-aħħar jiem, iż-żewġ naħat kienu qed jippreżentaw żewġ narrattivi kompletament differenti. 

Il-prosekuzzjoni qalet lill-ġurati li ma kellhomx jiġu “użati” mill-argumenti tad-difiża. Il-messaġġ tagħha kien li l-ġuri ma kienx dwar Keith Schembri. Ma kienx dwar Silvio Valletta. Ma kienx dwar nies oħra li setgħu kienu jafu xi ħaġa. Kien dwar Yorgen Fenech. 

Id-difiża, min-naħa l-oħra, qalet li l-ġurati ma setgħux jinjoraw lil dawn in-nies jekk kienu parti mill-istorja li l-prosekuzzjoni stess kienet ressqet. 

Il-ġurati kellhom jagħżlu mhux liema storja kienet l-aktar interessanti, iżda jekk il-prosekuzzjoni kinitx ippruvat il-każ tagħha. 

 

L-Imħallef: “Is there enough evidence?” 

Meta wasal iż-żmien tagħha, l-Imħallef Grima fakkret lill-ġurati li huma kienu l-imħallfin tal-fatti, filwaqt li hija kienet l-imħallef tal-liġi. 

U fformulat il-mistoqsija b’mod kważi brutali fis-sempliċità tagħha: “Hemm biżżejjed provi biex l-akkużat Yorgen Fenech jinstab ħati? Iva jew le.” 

Il-Qorti għaddiet magħhom il-provi kollha. Theuma. Il-maħfra. Ir-recordings. Il-qattiela. Schembri. Camilleri. Valletta. Vella. Cremona. Id-dokumenti. Fenech. U l-evidenza diġitali enormi li kienet ġiet ippreżentata tul il-ġuri. 

Grima enfasizzat kemm kien hemm evidenza diġitali, u qalet li dan kien wieħed mill-ġuri li fih kellha tittratta ammont partikolarment kbir ta’ tali materjal. 

Imbagħad ġie l-prinċipju li seta’ jiddeċiedi kollox: jekk hemm dubju raġonevoli, dan irid imur favur l-akkużat. 

Fl-aħħar tal-indirizz tagħha, l-Imħallef qalet lill-ġurati: “Il-Bambin magħkom.” 

Imbagħad il-ġurati ħarġu mill-awla. 

 

Tmienja kontra wieħed 

Il-ġurati ddeliberaw għal madwar tmien sigħat. U meta reġgħu daħlu fl-awla, il-qari tal-verdett kien qasir. 

Fuq l-ewwel akkuża: mhux ħati, 8 kontra 1. 

Fuq it-tieni akkuża: mhux ħati, 8 kontra 1. 

Yorgen Fenech kien ħieles mill-akkużi. Il-familja tiegħu splodiet f’ferħ. Fenech għannaq lill-avukat tiegħu. 

Barra mill-Qorti, is-sentiment kien kompletament differenti. Kien hemm għajjat ta’ rabja, fosthom kliem bħal “assassin”, “trash” u “mafja” hekk kif Fenech ħareġ taħt skorta qawwija. 

Il-familja ta’ Daphne baqgħet ixxukkjata. Għalihom, il-verdett ma kienx it-tmiem tal-każ. Kienet prova oħra li s-sistema ma kinitx waslet sal-aħħar tal-istorja. 

 

Xi jfisser fil-fatt verdett ta’ mhux ħati? 

Mhux ħati ma jfissirx “innoċenti”. Ifisser li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Dan huwa l-qofol tas-sistema tal-ġustizzja kriminali. 

Il-ġurati ma kellhomx jiddeċiedu jekk Fenech kienx persuna suspettuża. Ma kellhomx jiddeċiedu jekk kellux relazzjonijiet dubjużi. Ma kellhomx jiddeċiedu jekk kienx jaf aktar milli qal.  

Kellhom jiddeċiedu jekk kienx hemm prova biżżejjed biex jgħidu li huwa kien kompliċi fil-qtil u kien assoċjat ma’ persuni biex jitwettaq ir-reat. 

Tmienja minn disgħa qalu le. 

 

L-akbar falliment tal-prosekuzzjoni? 

Jista’ jkun żball li wieħed jikkonkludi li l-prosekuzzjoni “ma kellhiex provi”. Kellha ħafna provi. 

Dak li l-verdett jissuġġerixxi huwa li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tagħmel dak li l-liġi kienet titlob minnha: tneħħi d-dubju raġonevoli. 

Theuma kien b’saħħtu u dgħajjef fl-istess ħin. Ir-recordings kienu qawwija iżda kellhom bżonn interpretazzjoni. Il-flus kienu importanti iżda kellhom jiġu marbuta b’mod konklużiv mal-qtil. Il-kuntatti kienu reali iżda ma kinux awtomatikament prova ta’ kompliċità. Schembri kien persuna importanti fl-istorja iżda ċaħad l-involviment. Valletta kien qrib Fenech iżda dik ir-relazzjoni ma ppruvatx ordni ta’ qtil. Id-dokumenti wrew konnessjonijiet iżda mhux neċessarjament il-katina kriminali kollha. 

U kull darba li l-prosekuzzjoni kienet tipprova tgħaqqad dawn il-biċċiet, id-difiża kienet tistaqsi: Fejn hi l-prova li tgħaqqad il-katina? 

 

L-akbar suċċess tad-difiża? 

Id-difiża ma kellhiex għalfejn tipproduċi l-veru qattiel. Lanqas ma kellha tipprova min kien il-moħħ. Kellha biss tagħmel lill-ġurati jiddubitaw. U jidher li rnexxielha. 

L-istrateġija tagħha kienet li tieħu kull kontradizzjoni u tagħmilha parti minn argument wieħed: jekk l-investigazzjoni, ix-xhieda u l-kronoloġija huma mimlija lakuni, allura ma tistax tikkundanna persuna għal għomorha fuq teorija li għadha bla konklużjoni. 

It-teżi dwar “l-id moħbija” kienet partikolarment effettiva għax tat lill-ġurati spjegazzjoni alternattiva għal dak li l-prosekuzzjoni kienet qed tippreżenta. Ma kienx meħtieġ li jkunu konvinti li dik l-istorja kienet vera. Kien biżżejjed li ma jkunux konvinti li l-istorja tal-prosekuzzjoni kienet l-unika waħda possibbli. 

 

Mela min ordna l-qtil? 

Din tibqa’ l-akbar domanda. 

It-tliet persuni li wettqu l-qtil huma magħrufa. Il-provista tal-bomba wasslet ukoll għal kundanni. Imma l-persuna li kkummissjonat il-qtil? 

Issa m’hemmx kundanna. Fenech, li l-prosekuzzjoni ppreżentat bħala l-moħħ tal-assassinju, ġie lliberat. 

U l-awtoritajiet qatt ma ressqu lil Keith Schembri bħala l-persuna akkużata li ordnat il-qtil; l-allegazzjonijiet tad-difiża dwaru baqgħu allegazzjonijiet, li hu ċaħad.  

Għalhekk, il-verdett ma jagħtix risposta għall-mistoqsija li bdiet kollox. Sempliċement jgħid li Fenech ma ġiex ippruvat ħati. 

 

Ġustizzja għal Daphne — jew kapitlu ieħor ta’ falliment? 

Hawnhekk il-ġuri jidħol f’territorju ħafna akbar mill-awla. 

Il-qtil ta’ Daphne ma kienx qtil kriminali ordinarju. Kien qtil ta’ ġurnalista investigattiva li kienet kitbet dwar korruzzjoni, flus, negozju u poter politiku. 

L-inkjesta pubblika kienet ikkonkludiet li l-Istat kellu responsabbiltà għall-ħolqien ta’ klima ta’ impunità li ppermettiet li d-delitt iseħħ. 

Għalhekk il-kundanna ta’ dawk li poġġew u splodew il-bomba qatt ma kienet se tkun biżżejjed. 

Il-mistoqsija dejjem kienet: min qabbadhom? Issa, wara l-ġuri ta’ Fenech, dik il-mistoqsija tibqa’ mingħajr tweġiba ġudizzjarja. 

Reporters Without Borders u organizzazzjonijiet oħra ta’ libertà tal-istampa kkritikaw il-verdett, filwaqt li l-familja ta’ Daphne qalet li l-assoluzzjoni ma tħassarx il-fallimenti istituzzjonali li wasslu għall-qtil. 

Iżda hemm ukoll lezzjoni oħra li ma tistax tiġi injorata. 

Il-Qorti Kriminali ma tistax tikkundanna persuna għax il-pajjiż għandu bżonn risposta. Il-Qorti tista’ tikkundanna biss jekk il-prova tilħaq il-limitu meħtieġ. Il-ġurati qalu li f’dan il-każ ma laħqitx. 

 

It-tmiem tal-ġuri, mhux tat-tfittxija għall-verità 

Il-verdett ta’ Yorgen Fenech għalhekk joħloq paradoss. 

Għall-akkużat, il-ġuri spiċċa. Għall-familja ta’ Daphne, il-mistoqsijiet jibqgħu. Għall-pajjiż, il-ferita tibqa’. 

U għall-istorja kriminali ta’ Malta, dan il-ġuri se jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar eżempji ċari tad-differenza bejn dak li jidher li ġara u dak li jista’ jiġi ppruvat fil-qorti. 

Il-prosekuzzjoni daħlet fil-ġuri b’teżi ċara: Yorgen Fenech kien il-moħħ wara l-qtil. 

Id-difiża ħarġet b’teżi oħra: hemm id moħbija, u l-investigazzjoni naqset milli tħares lejn il-post it-tajjeb. 

Il-prosekuzzjoni ressqet lil Melvin Theuma. Id-difiża qerdet il-kredibbiltà tiegħu f’għajnejn biżżejjed ġurati. 

Il-prosekuzzjoni ressqet ir-recordings. Id-difiża sfidat l-interpretazzjoni tagħhom. 

Il-prosekuzzjoni ressqet il-flus. Id-difiża sfidat il-konnessjoni tagħhom mal-ordni ta’ qtil. 

Il-prosekuzzjoni ressqet il-kuntatti. Id-difiża qalet li kuntatt mhux kundanna. 

Il-prosekuzzjoni qalet li “your fingerprints are all over this murder.” Fenech wieġeb: “It’s not true.” 

U fl-aħħar, tmien ġurati qalu li ma kienx hemm prova biżżejjed biex jgħidu li kien ħati. 

Dak huwa l-verdett. Mhux opinjoni. Mhux stħarriġ. Mhux argument politiku. Verdett ġudizzjarju. 

Imma l-istorja li wasslet għal dak il-verdett għadha mhix magħluqa. 

Għax il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu issa ħatja għall-eżekuzzjoni tiegħu. Għandu nies ikkundannati għall-provista tal-bomba. Għandu middleman li ammetta r-rwol tiegħu. Għandu recordings, messaġġi, flus, relazzjonijiet, kontradizzjonijiet u xhieda li baqgħet tikkontradixxi lilha nnifisha. Għandu inkjesta li wissiet dwar impunità. Għandu ġuri ta’ 55 jum. Għandu disa’ ġurati. 

U għandu verdett ta’ 8 kontra 1: mhux ħati. 

Dak li m’għandux — għadha — hija risposta finali għal dik l-ewwel domanda li qatt ma waqfet tidwi mill-Bidnija: Min ordna li tinqatel Daphne Caruana Galizia? 

Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech ma tax risposta. 

U forsi din hija l-aktar realtà qawwija li ħarġet minn wieħed mill-itwal u l-aktar ġuri importanti fl-istorja kriminali ta’ Malta: il-każ jista’ jkun spiċċa fil-qorti, iżda l-mistoqsija li wasslet lill-pajjiż hemmhekk għadha bla risposta. 

More in Kronaka