Il-Parlament qed jiddiskuti dalgħodu l-verdett fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, wara talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg biex il-Kamra terġa’ tiltaqa’ b’urġenza.
Id-dibattitu qed isir jumejn wara li Fenech instab mhux ħati fuq iż-żewġ kapi tal-att tal-akkuża kontrih.
Borg kien talab li l-Parlament jerġa’ jiltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-eżitu tal-ġuri u l-implikazzjonijiet tiegħu.
Meta tkellem mal-ġurnalisti il-Ħamis, il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li huwa l-Prim Ministru Robert Abela, u mhux l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li għandu jwieġeb għall-mistoqsijiet dwar uffiċjali għolja marbuta mal-investigazzjoni fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Borg qal li għad fadal mistoqsijiet dwar ċerti uffiċjali għolja tal-pulizija li kienu involuti fl-investigazzjoni, kif ukoll dwar il-persuna li kienet tmexxi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dak iż-żmien u li, skontu, effettivament kienet tmexxi l-Gvern.
Huwa qal li jistenna tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet u sostna li r-responsabbiltà li jingħataw tinsab f’idejn il-Prim Ministru attwali.
Il-Kap tal-PN qal ukoll li waqt id-dibattitu se jinsisti biex il-Gvern jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma l-Ħamis li kien se jsir id-dibattitu, iżda appella għall-kawtela sabiex dak li jingħad fil-Parlament ma jippreġudikax investigazzjonijiet oħra marbuta mal-każ li għadhom għaddejjin.
“Ir-responsabbiltà għandha tirrenja fid-dibattitu,” qal Abela, filwaqt li kkritika lil Borg talli, skontu, ħa direzzjoni “partiġġjana” fir-reazzjoni tiegħu għall-verdett.
Fenech instab mhux ħati l-Erbgħa filgħaxija, wara madwar tmien sigħat ta’ deliberazzjoni mill-ġurati.
Fuq l-ewwel kap tal-att tal-akkuża, dak ta’ kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-ġurati sabuh mhux ħati bi tmien voti kontra wieħed.
L-istess verdett ta’ tmien voti kontra wieħed ingħata fuq it-tieni u l-aħħar kap, dak ta’ assoċjazzjoni ma’ persuna jew persuni bil-għan li jitwettaq reat f’Malta.
Il-verdett ġab fi tmiemu ġuri li dam madwar xahrejn, li matulu l-ġurati semgħu xhieda, provi u sottomissjonijiet estensivi kemm mill-prosekuzzjoni kif ukoll mid-difiża.