L-avukat Jason Azzopardi appella lill-Gvern biex jemenda minnufih il-Kodiċi Kriminali u jintroduċi tliet reati li, skontu, huma meħtieġa fid-dawl ta’ dak li ħareġ matul ix-xahrejn tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech.
Azzopardi, li kien wieħed mill-avukati parte civile tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia fil-ġuri, qal li hemm “ħafna” xi jgħid, iżda għalissa għażel li jiffoka fuq dak li jqis bħala lakuna fil-liġi kriminali Maltija.
Huwa qal li matul il-ġuri nstema’ dwar aġir li allegatament seħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia u li, minkejja li ddeskrivieh bħala skandaluż, sostna li mhux neċessarjament jikkostitwixxi reat taħt il-liġi Maltija.
Azzopardi semma tliet reati li jinsabu fil-liġi tar-Renju Unit: misconduct in public office, perverting the course of justice u assisting the offender.
Skont Azzopardi, l-ewwel żewġ reati jistgħu jwasslu sa piena massima ta’ għomor il-ħabs fir-Renju Unit, filwaqt li assisting the offender jista’ jwassal sa massimu ta’ 10 snin ħabs.
“Malta m’għandhiex,” qal Azzopardi, filwaqt li sostna li kien diġà ppropona l-introduzzjoni ta’ dawn ir-reati darbtejn qabel l-2022, iżda l-proposti kienu ġew ivvutati kontra.
“Nittama li llum indunajtu kemm għandna bżonnhom,” qal, waqt li appella lill-Gvern biex “jilleġiżla minnufih”.
Azzopardi għamel ukoll referenza għal dak li nstema’ waqt il-ġuri dwar allegati tentattivi biex jiġu influwenzati xhieda.
Huwa qal li, minkejja dak li ħareġ fil-ġuri, l-unika persuna li dwarha hemm ordni ta’ investigazzjoni hija “Chalie Wires”, li ddeskrivieh bħala ħaddiem tal-Qorti.
Azzopardi temm il-kumment tiegħu billi kkritika dak li jqis bħala lakuna fil-liġi fir-rigward ta’ persuni li allegatament jippruvaw ixaħħmu jew javviċinaw xhud sabiex jixhed favurihom.