Alex Borg iqajjem dubji serji dwar kif tmexxiet l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-ġuri kixef lakuni fil-fażi investigattiva u jsostni li uffiċjali għolja tal-pulizija ma għamlux biżżejjed
minn Jaelle Borg
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li għad hemm dubji serji dwar kif l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mexxew l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u sostna li matul il-ġuri ħarġu lakuni sinifikanti fil-fażi investigattiva.
“Fir-rigward tal-istituzzjonijiet, iqumu dubji serji dwar dak li ġara qabel, speċifikament fil-fażi tal-investigazzjoni,” qal Borg lil MaltaToday il-Ħamis waranofsinhar.
Huwa qal li dak li ħareġ waqt il-ġuri juri li tħallew nuqqasijiet importanti li, fi kliemu, inevitabbilment iqajmu mistoqsijiet serji dwar kif tmexxiet l-investigazzjoni.
Borg kien qed jirreaġixxi għall-ewwel reazzjoni tal-gvern għall-iżviluppi fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, li fiha appella biex il-pubbliku jkollu fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Nhar l-Erbgħa filgħaxija, il-gvern qal li ħa nota tal-verdett mogħti mid-disa’ ġurati fil-proċeduri kriminali dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-gvern qal li dejjem ipprovda l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa biex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b’mod sħiħ.
Semma wkoll li diversi persuni diġà ġew investigati, akkużati u kkundannati għal sentenzi twal ta’ ħabs b’rabta mal-każ.
Mistoqsi jekk jaqsamx dik il-fiduċja, fid-dawl tal-fatt li kważi disa’ snin wara l-qtil għadu ma ġiex identifikat min ordna l-assassinju, Borg qal li jirrispetta l-verdett tal-ġurati u r-responsabbiltà li refgħu kemm huma kif ukoll il-ġudikatura tul il-ġuri.
Madankollu, qal li d-dubji tiegħu jinsabu fil-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni qabel il-ġuri.
‘Uffiċjali għolja fallew’
Mistoqsi direttament jekk il-pulizija għamlitx xogħolha sew, Borg qal li fil-Korp hemm ħafna uffiċjali ta’ rieda tajba, li rringrazzjahom għal xogħolhom u wiegħed li jibqa’ jappoġġjahom.
Iżda sostna li ċerti uffiċjali għolja “fallew” fil-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni.
Borg ġie mistoqsi wkoll jekk il-PN hux lest jieħu passi legali biex tkompli ssir ġustizzja għall-familja Caruana Galizia.
Huwa qal li l-partit għandu pjan u strateġija li bi ħsiebu jwettaq, iżda ma tax aktar dettalji.
Skont Borg, l-għan huwa li jissaħħu l-istituzzjonijiet, tissaħħaħ l-indipendenza tagħhom u jinbidlu l-liġijiet fejn ikun meħtieġ biex jiġu evitati nuqqasijiet simili fil-futur, filwaqt li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu liberament u mingħajr intimidazzjoni.
Huwa semma laqgħa li kellu mal-Ispeaker tal-Kamra bħala eżempju ta’ passi li diġà beda jieħu l-PN, bil-għan li l-Parlament jerġa’ jiltaqa’ b’urġenza biex jiġu diskussi l-passi meħtieġa.
Mistoqsi jekk il-partit hux lest ukoll isejjaħ lin-nies fit-toroq, Borg qal li l-PN għandu l-pjanijiet u l-passi tiegħu, u li maż-żmien ikun magħruf x’se jkunu.
Jiddefendi lill-ġurati
Borg ġie mistoqsi wkoll dwar il-kummenti li kien għamel il-ġurnata ta’ qabel fejn irringrazzja lill-ġurati, wara li Matthew Caruana Galizia kkritika l-verdett u qal li l-ġurija ma għamlitx xogħolha sew.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-ġurati m’għandhomx tort, għax kienu qed jerfgħu r-responsabbiltà li jiddeċiedu wieħed mill-akbar ġurijiet li rat il-pajjiż.
Huwa qal li jifhem minn xiex għaddiet il-familja Caruana Galizia u sostna li, sal-lum, il-familja għadha ma kisbitx il-ġustizzja li teħtieġ għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
