“Xejn ma nbidel”: residenti fis-Swieqi jerġgħu jilmentaw minn munzelli ta’ skart fit-toroq

Ritratti mibgħuta lil din il-gazzetta juru bins ifuru b’boroż suwed, skart mal-art u fdalijiet tal-ikel; resident jgħid li l-problema ilha għaddejja snin bir-residenti tas-Swieqi jitolbu aktar infurzar, CCTV u sistema apposta għall-iskart tax-short-lets

Residenti fis-Swieqi qed jerġgħu jqajmu tħassib dwar il-problema tal-iskart fil-lokalità, b’resident jgħid lil din il-gazzetta li minkejja snin ta’ lmenti, “xejn ma nbidel”. 

Ritratti mibgħuta lil din il-gazzetta juru bins mimlijin sa fuq b’boroż suwed, b’aktar boroż mitluqa madwarhom. F’partijiet oħra jidher ukoll skart maħruġ minn boroż miftuħa, fosthom fdalijiet tal-ikel mal-art. 

Skont resident, l-iskart li jidher fir-ritratti kien ilu hemm minn nhar l-Erbgħa, minkejja li l-ġbir skedat tal-borża s-sewda jsir is-Sibt. 

L-iskeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart tipprovdi li l-borża s-sewda tinġabar darbtejn fil-ġimgħa, it-Tlieta u s-Sibt, filwaqt li l-iskart organiku jinġabar it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. Ir-riċiklaġġ jinġabar il-Ħamis. 

Iżda r-resident qal li, fil-prattika, diffiċli tinduna liema skart suppost joħroġ f’liema ġurnata. 

“Onestament, hawn tara boroż suwed kuljum, anke l-Ħadd. Ma tibqax tifhem liema ġurnata hi għax tara minn kollox,” qal. 

Huwa ddeskriva wkoll is-sitwazzjoni bħala waħda li ġġib magħha “dubbien galor”, partikolarment meta boroż jinfetħu u l-ikel jispiċċa mifrux fit-triq. 

Ir-resident bagħat ukoll lil din il-gazzetta post fuq Facebook li jfakkar f’rapport ippubblikat minn Times of Malta fil-25 ta’ Awwissu 2022, bit-titlu “Swieqi residents are ‘losing it’ over garbage and disturbances”

Dak ir-rapport kien diġà jiddeskrivi l-frustrazzjoni tar-residenti minħabba skart mitluq fit-toroq u problemi oħra fil-lokalità. 

Erba’ snin wara, is-sitwazzjoni mhux talli ma tjibitx, iżda marret għall-agħar. 

Ir-resident li tkellem ma’ din il-gazzetta qabel ma’ dan is-sentiment, u qal fil-qosor: “Xejn ma nbidel minn dakinhar.” 

Pressjoni fuq short-lets 

Ir-residenti qed jorbtu parti mill-problema mal-għadd ta’ proprjetajiet mikrija għal żmien qasir fil-lokalità u jgħidu li hemm bżonn ta’ sistema li tissepara b’mod aktar ċar l-iskart iġġenerat minn dawn il-proprjetajiet mill-ġbir residenzjali normali. 

Regolamenti ġodda dwar l-akkomodazzjoni turistika, li daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2026, introduċew rekwiżiti aktar stretti għall-operaturi tax-short-lets. Fosthom hemm l-obbligu li jkun hemm pjan adegwat għall-ġestjoni u l-ġbir tal-iskart. 

Il-Gvern kien qal ukoll meta ħabbar il-miżuri li short-let accommodations se jkollhom jissottomettu u jimplimentaw waste collection management plan. 

Skont ir-residenti, dan għandu fil-prattika jwassal għal sistemi fejn l-operaturi jieħdu responsabbiltà għall-iskart tal-klijenti tagħhom, aktar milli dan jitħalla fit-triq biex jinġabar bl-iskeda residenzjali. 

Ir-residenti jsemmu, fost l-għażliet li għandhom jiġu kkunsidrati, kmamar apposta għall-iskart fi proprjetajiet jew blokok u ġbir privat direttament mill-proprjetà. 

“Il-maġġoranza assoluta tal-operaturi tax-short-lets ma ridux jonfqu ċenteżmu biex jippreparaw għar-regoli l-ġodda,” isostnu. 

Il-Gvern stess indika din is-sena li s-Swieqi hija fost il-lokalitajiet fejn qed tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt tal-akkomodazzjoni turistika. F’Mejju, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li kien qed jaħdem ma’ ministeri u entitajiet oħra biex jgħin lill-kunsilli lokali tas-Swieqi u tal-Belt Valletta permezz tat-Tourism Community Support pilot project. 

“Irridu nibqgħu nirrapportaw kuljum” 

Minkejja l-frustrazzjoni, ir-residenti jgħidu li l-komunità ma tistax tieqaf tirrapporta każijiet ta’ skart illegali jew mhux miġbur. 

“Jeħtieġ nibqgħu nirrapportaw kuljum. Tieħu ħafna ħin, imma hija biss pressjoni kostanti minna li se tmexxi l-affarijiet ’il quddiem”. 

Minbarra infurzar akbar fuq short-lets, hemm bżonn ukoll li tiġi riveduta l-iskeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart, fosthom billi l-ġbir tar-riċiklaġġ isir aktar frekwenti. 

Fil-preżent, il-ġbir nazzjonali tal-borża griża jew ħadra jsir darba fil-ġimgħa, nhar ta’ Ħamis. 

Resident qed jissuġġerixxi wkoll li, fejn huwa possibbli, jiddaħħlu bins taħt l-art li jkunu jistgħu jintużaw mir-residenti permezz ta’ cards, flimkien ma’ aktar kameras tas-CCTV biex ikun jista’ jiġi identifikat min ikun qed joħroġ l-iskart barra mill-ħin jew mill-ġurnata stabbilita. 

Għalih, il-problema m’għadhiex waħda ta’ każ iżolat jew ta’ borża waħda mitluqa barra. 

B’mod sarkastiku qal li l-kantuniera fejn jgħix donnha saret parti minn “tourist guide to rubbish dumps in Swieqi”. 

Erba’ snin wara rapport li kien diġà jgħid li r-residenti tas-Swieqi kienu qed “jitilfu l-paċenzja” minħabba l-iskart u d-disturbi, ir-resident jgħid li l-istess problemi għadhom jidhru fit-toroq. 

Għalih, il-kwistjoni m’għadhiex waħda ta’ borża waħda li nħarġet fil-ġurnata ħażina, iżda problema strutturali li teħtieġ aktar infurzar, sistema adegwata għall-iskart iġġenerat mix-short-lets, ġbir aktar frekwenti u, fejn possibbli, infrastruttura bħal underground bins u CCTV. 

Sakemm dan ma jsirx, qal, ir-residenti se jkollhom jibqgħu jagħmlu pressjoni u jirrapportaw każ wara l-ieħor. 

 

More in Kronaka