It-tabib Adrian Vella qal lill-ġurati li kien ilu jaf lill-familja Fenech għal aktar minn 30 sena bħala t-tabib tagħhom u li kien ittratta wkoll lil Schembri għall-kanċer, saħansitra akkumpanjah barra minn Malta għall-kura medika.
Parti kbira mix-xhieda tiegħu ffukat fuq il-jiem ta’ wara l-arrest ta’ Melvin Theuma f’Novembru tal-2019. Vella qal li Fenech kien iżola ruħu għal xhur sħaħ, kien għajjien mentalment u kien qed jabbuża mill-kokaina, filwaqt li żied li t-tħassib ewlieni tiegħu kien li jgħinu jirkupra.
Fil-15 ta’ Novembru 2019, Vella mar għal Fenech fir-residenza tiegħu f’Portomaso u saqu lejn Għawdex wara li l-akkużat qallu li kellu bżonn jistrieħ. Qabel telqu, Fenech waqaf għal ftit fl-uffiċċju tiegħu u wara uża l-mobile ta’ Vella biex jagħmel diversi telefonati, għalkemm it-tabib qal li ma jiftakarx lil min ċempel jew x’intqal.
Madankollu, fl-istqarrija tiegħu tal-2019, Vella kien qal lill-investigaturi li sema’ lil Fenech jistaqsi lil Schembri jekk kellux jaħrab, filwaqt li Schembri allegatament qallu biex ma jitlaqx u jmur jistrieħ Għawdex. L-istqarrija kienet tinkludi wkoll referenzi għal passaport, flus kontanti, ajruplan privat, dgħajsa u destinazzjonijiet fosthom Sqallija, Dubai, il-Messiku u t-Tuneżija. Fil-Qorti, Vella qal li ma jiftakarx dawn id-dettalji u ddeskriva wħud minn dawn il-pjanijiet bħala parti mill-“fantasija” ta’ Fenech.
F’Għawdex ingħaqad magħhom Franco Fenech u ppruvaw isibu avukat wara li isem Yorgen Fenech beda jissemma pubblikament b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Vella qal li kkuntattja madwar 15-il avukat, iżda ħadd ma aċċetta jieħu l-każ.
Huwa fakkar ukoll li sema’ lill-aħwa jgħajtu u jitkellmu dwar ajruplani u rockets wara li ħadulu l-mobile u talbuh joħroġ mill-kamra. Madankollu, waqt il-kontroeżami, Vella ċċara li kien Franco, u mhux Yorgen, li tkellem dwar il-ħarba u r-rockets.
Wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti tax-xhieda wasal meta Vella fakkar lil Fenech jgħid: “Jekk ninżel jien, jinżlu kollha miegħi.”
Il-kumment instema’ wkoll f’reġistrazzjoni tal-interrogazzjoni tal-pulizija li saritlu lil Vella fl-2019 u li ntweriet fil-Qorti. Vella insista li Fenech qatt ma qallu li Schembri kien involut fil-qtil, filwaqt li l-Imħallef Grima fakkret lill-ġurati li la l-mistoqsijiet tal-investigaturi u lanqas it-tweġibiet ta’ Vella ma jikkostitwixxu prova.
Parti oħra importanti mix-xhieda kienet dwar erba’ dokumenti li Vella qal li ġabar mir-residenza ta’ Keith Schembri fuq talba ta’ Fenech. Huwa qal li, wara li kiel toast ma’ Schembri, dan ipponta lejn erba’ dokumenti fuq mejda u qallu biex jeħodhom. Vella qal li ma qarahomx u wassalhom lil Fenech f’Portomaso, fejn dan ħadhom u beda jikteb b’mod frenetiku. Schembri kien diġà ċaħad li qatt għadda dawn id-dokumenti u akkuża lil Vella li kien qed jigdeb.
Vella kkonferma wkoll li eżamina lil Fenech darbtejn wara l-arrest tiegħu. Fit-tieni okkażjoni ordna li jittieħed l-Isptar Mater Dei wara li lmenta b’uġigħ f’sidru, fejn aktar tard saritlu anġjogramma. Mistoqsi jekk Schembri kienx infurmah bl-arrest ta’ Fenech, wieġeb: “Probabbilment.”
Lejn tmiem l-eżami prinċipali tiegħu, Vella deher emozzjonat hekk kif iddeskriva kif dawn il-ġrajjiet affettwaw ħajtu. Huwa qal lill-ġurati li tilef il-prattika medika tiegħu, il-banek qatgħu kull rabta miegħu u li “kulħadd dar kontrija”.
Waqt il-kontroeżami, l-avukat tad-difiża Giannella de Marco enfasizzat inkonsistenzi bejn ix-xhieda ta’ Vella fil-Qorti u l-istqarrija li kien ta lill-pulizija fl-2019, b’mod partikolari dwar min beda l-vjaġġ lejn Għawdex, it-telefonati ma’ Schembri u jekk Fenech kienx qed jippjana li jaħrab.
Vella ammetta li ma setax jiftakar is-sekwenza eżatta tal-avvenimenti, iżda kkonferma li informa lil Schembri li kien qed jieħu lil Fenech Għawdex.
Id-difiża staqsiet ukoll għaliex ħalla lil Fenech waħdu jekk kien jemmen li kien f’riskju. Vella insista li Fenech ma kellux ħsibijiet suwiċidali u sempliċement kellu bżonn joħroġ mid-dar. Wara li ġie kkonfrontat bl-istqarrija tiegħu, ikkonferma li tah tliet pilloli Ativan qabel ħallieh “kwiet, waħdu u kalm”, filwaqt li Franco kien qabel li jżommlu għajnejh fuqu.
Hekk kif is-seduta kienet riesqa lejn tmiemha, il-Qorti ddiskutiet jekk Vella kellux jibqa’ taħt is-superviżjoni tal-marixxall tal-Qorti sakemm itemm ix-xhieda tiegħu. Viżibbilment emozzjonat, Vella nfaqa’ jibki u qal li kien jippreferi jibqa’ hemm milli jmur lura d-dar.
“Nippreferi nibqa’ hawn. Ma rridx li dawk id-dar jarawni f’din il-qagħda,” qal.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukati Charles Mercieca, Gianella Demarco u Gianluca Caruana Curran. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru parte civile f'isem il-familja Caruana Galizia. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresiedi l-ġuri.