Minn kurżità għal innovazzjoni: Kif robots soċjali qed ibiddlu t-tagħlim fil-klassijiet Maltin

Dak li darba deher bħala fantaxjenza, illum qed isir realtà fil-klassijiet Maltin. Bl-għajnuna tal-Intelliġenza Artifiċjali u r-riċerka lokali, ir-robots soċjali qed jiftħu opportunitajiet ġodda għat-tagħlim, filwaqt li juru kif it-teknoloġija tista’ sservi lill-edukazzjoni u mhux tissostitwiha

“Meta t-tfal jaraw ir-robot għall-ewwel darba, l-ewwel tara l-istagħġib f’għajnejhom. Imbagħad jibdew il-mistoqsijiet, id-daħq u l-kurżità. Minn hemm jibda t-tagħlim.” 

Dak li ftit tas-snin ilu kien jidher bħala xena minn film futuristiku, illum qed iseħħ fil-klassijiet Maltin. Robot li jkanta, jiżfen, jagħmel it-tai chi, jirrakkonta stejjer u jgħin lit-tfal jitgħallmu l-qari u l-kitba qed isir parti minn esperjenza edukattiva li qed tiġbed l-attenzjoni anke barra minn xtutna. 

Ir-riċerka mmexxija mill-Professur Charles L. Mifsud, flimkien ma’ Claire Bonello u Natalia I. Kucirkova, u ppubblikata fl-International Journal of Social Robotics, turi kif Malta qed issireżempju ta’ kif it-teknoloġija tista’ tintuża b’mod responsabbli, inklużiv u b’għan ċar: tgħin lit-tfal jitgħallmu aħjar. 

Minn pandemija għal opportunità 

Il-vjaġġ beda fi żmien il-pandemija tal-Covid-19. 

“L-idea bdiet tiżviluppa b’mod aktar konkret fi żmien il-Covid, meta lkoll bdejna napprezzaw aktar il-potenzjal tat-teknoloġija fit-tagħlim,” jispjega l-Prof. Mifsud. 

Minn dak iż-żmien, l-avvanzi fl-Intelliġenza Artifiċjali taw spinta ġdida lir-robots soċjali. Illum jistgħu jagħmlu ħafna aktar milli juru informazzjoni fuq skrin – jistgħu jinteraġixxu mat-tfal, jiftakru interazzjonijiet preċedenti, jużaw il-vuċi, il-movimenti u l-ġesti biex iżommu lit-tfal involuti, u joffru appoġġ lil studenti bi bżonnijiet differenti, inkluż tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Dan wassal lit-tim tar-riċerka biex jesplora kif dawn ir-robots jistgħu jsiru għodda edukattiva effettiva fil-kuntest Malti. 

“Ir-robot ma jibqax magna ... isir ħabib” 

Ir-reazzjoni tat-tfal kienet immedjata. 

“Stagħġib, kurżità u entużjażmu,” jgħid il-Prof. Mifsud. 

“It-tfal mill-ewwel jaffaxxinaw ruħhom bir-robot u jibdew jistaqsu mistoqsijiet dwaru. Xi wħud ikunu ftit mistħija fil-bidu, iżda hekk kif ir-robot jibda jiżfen, ikanta, jitkellem jew jagħmel it-tai chi, dik il-mistħija tisparixxi. It-tfal jibdew jinteraġixxu miegħu b’mod spontanju u jarawh bħala preżenza pożittiva u motivanti fil-klassi.” 

Ir-riċerka turi li t-tfal ma jarawx lir-robot biss bħala magna, iżda bħala sieħeb fit-tagħlim. Din il-konnessjoni tgħinhom jipparteċipaw aktar fil-lezzjoni, iżidu l-kunfidenza tagħhom u juruaktar interess fl-attivitajiet tal-litteriżmu. 

Aktar minn għalliem elettroniku 

Wieħed mill-aktar riżultati interessanti tar-riċerka hu li r-robot ma kellux rwol wieħed biss. 

Fil-klassi Maltija, serva bħala assistent tal-għalliem, sieħeb fit-tagħlim u anke medjatur tal-interazzjoni soċjali bejn it-tfal. Il-ġesti tiegħu, il-mod kif jitkellem u l-abbiltà li jirreferi għalesperjenzi preċedenti għenu biex jinħoloq ambjent aktar motivanti u inklużiv, speċjalment għal tfal li normalment ikunu aktar kwieti jew isibuha diffiċli jipparteċipaw. 

L-għalliema ma rawhx bħala theddida 

Meta r-robot daħal fil-klassi, ħafna stennew li l-għalliema jkunu xettiċi. 

Iżda ġara l-oppost. 

“L-għalliema laqgħu r-robot b’interess u kurżità kbira,” jgħid il-Prof. Mifsud. 

“Kienu partikolarment ħerqana biex josservaw kif se jirreaġixxu l-istudenti u jekk ir-robot setax jgħinhom iżidu l-attenzjoni, il-parteċipazzjoni u l-motivazzjoni tat-tfal.” 

L-aktar aspett importanti kien li l-għalliema qatt ma raw lir-robot bħala sostitut tagħhom. 

Anzi, kif jisħaq il-Prof. Mifsud, “Ir-robot hu għodda oħra li tista’ tgħin lill-għalliem. L-aqwa użu ta’ din it-teknoloġija dejjem jibqa’ wieħed immexxi mill-għalliem.” 

L-isfida mhix ix-xiri tar-robots 

Interessanti li l-akbar sfida llum mhix li jinstabu skejjel interessati. 

“Ħafna skejjel diġà wrew interess kbir u talbu li jkollhom dawn ir-robots,” jgħid il-Prof. Mifsud. 

“L-isfida vera hi li niżguraw integrazzjoni tajba fil-lezzjonijiet, taħriġ xieraq għall-għalliema, u fondi sostenibbli biex il-proġett ikun jista’ jikber.” 

It-teknoloġija, jgħid, qatt mhi biżżejjed waħedha. 

“Trid tkun marbuta ma’ pedagoġija tajba, ma’ għanijiet edukattivi ċari u ma’ appoġġ kontinwu għall-għalliema.” 

Dan huwa wkoll il-messaġġ ewlieni tar-riċerka: is-saħħa ta’ Malta mhijiex li għandha r-robots fil-klassijiet, iżda li qed tużahom b’mod pedagoġiku, etiku u inklużiv. 

Malta fuq il-mappa internazzjonali 

Ir-riċerka Maltija issa qed tiġbed interess barra minn Malta wkoll. 

“Diġà għandna esperjenza prattika fl-iskejjel u riċerka xjentifika ppubblikata f’journals internazzjonali, u dan ipoġġina f’pożizzjoni b’saħħitha ħafna,” jgħid il-Prof. Mifsud. 

“Hemm ukoll interess internazzjonali dejjem jikber f’dak li qed nagħmlu.” 

Jekk ix-xogħol ikompli bl-istess ritmu, jemmen li fi żmien ħames snin Malta tista’ tkun magħrufa bħala pajjiż żgħir li rnexxielu juża r-robots soċjali b’mod innovattiv, responsabbli u edukattivament sinifikanti. Dan jaqbel ukoll mal-viżjoni tal-Gvern li jestendi l-użu tar-robots soċjali għal aktar skejjel permezz tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. 

“Ir-robot qatt mhu se jieħu post il-bniedem” 

F’epoka fejn ħafna jibżgħu li l-Intelliġenza Artifiċjali se tissostitwixxi lill-bniedem, il-Prof. Mifsud jibgħat messaġġ ċar. 

“Nifhem perfettament dan it-tħassib, iżda nemmen li s-sigriet hu l-bilanċ.” 

“Ir-robot m’għandux u qatt ma jista’ jieħu post l-għalliem, il-ġenitur jew ir-relazzjoni umana li hi fil-qalba tal-edukazzjoni.” 

Minflok, għandu jintuża bħala għodda li tqanqal il-kurżità, tiftaħ opportunitajiet ġodda u tħejji lit-tfal għal dinja fejn it-teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali se jkunu dejjem aktar preżenti. 

“L-għan tagħna għandu jkun li ngħallmu lit-tfal jużaw dawn l-għodod b’mod għaqli, kreattiv u responsabbli, filwaqt li dejjem inżommu l-element uman fiċ-ċentru.” 

U forsi proprju hemm tinsab l-akbar lezzjoni minn din l-istorja. Mhux li robot jista’ jieħu post għalliem, iżda li, meta jintuża b’mod għaqli, jista’ jgħin lil aktar tfal jipparteċipaw, jitgħallmu u jħobbu l-iskola. Kif turi r-riċerka Maltija, it-teknoloġija għandha sservi lill-pedagoġija, lill-inklużjoni u lill-litteriżmu — qatt bil-maqlub. 

Dawk l-iskejjel u entitajiet oħra li jixtiequ jimplimentaw ir-robots soċjali fil-programm tagħhom, huma mitluba jikkuntattjaw lil Prof. Charles L. Mifsud fuq[email protected], jew fuq Whatsapp: 99428349. 

 

More in Kronaka