“M’iniex kontra d-divertiment, imma favur id-dinjità”: Fr Ramon Farrugia fuq il-kwistjoni dwar Ta’ Ġieżu

Il-Ministru Provinċjali elett tal-Franġiskani jgħid li l-problema mhijiex il-festi jew l-attivitajiet kulturali, iżda l-istorbju, l-imwejjed li jostakolaw l-aċċess għall-knisja u n-nuqqas ta’ rispettlejn min jixtieq jipprattika l-fidi

DIN L-INTERVISTA SARET FIT-30 TA’ LULJU  

Wara li l-Ministru Glenn Bedingfield sostna li l-burlesk ħdejn Ta’ Ġieżu m’għadux isir, il-komunità Franġiskana wieġbet b’mod pubbliku, u saħqet li dan mhux minnu. 

F’intervista ma’ din il-gazzetta, il-Ministru Provinċjali elett tal-Provinċja Franġiskana Maltija ta’ San Pawl Appostlu għall-perjodu 2026–2032, Fr Ramon Farrugia OFM, qal li l-istqarrija ministerjali “weġġgħet” lill-komunità reliġjuża, filwaqt li sostna li l-ilmenti dwar l-istorbju u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà ilhom isiru sa minn qabel l-2024. 

“Meta ktibt il-post tiegħi lanqas biss kien f’moħħi l-Ministru Glenn Bedingfield,” qal Farrugia. “Itteggjajt lill-Prim Ministru għax hu qiegħed fuq kulħadd. L-istqarrija tal-Ministru mhijiex korretta. Aħna qatt ma fittixna li niżgwidaw lill-poplu.” 

Skont Farrugia, l-ewwel darba li l-Franġiskani esprimew pubblikament it-tħassib tagħhom kienet fuq il-midja soċjali, iżda qal li qabel dan kienu ilhom iwasslu l-ilmenti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti. 

“L-ewwel ilment tagħna online kien minħabba l-possibbiltà li jinfetaħ bar jew restaurant ieħor. Imma qabel kien hemm rapporti, kien hemm kuntatti u anke l-midja kienet irrappurtat li s-Sindku kien ressaq ilmenti dwar il-burlesk u l-istorbju.” 

“Jinterrompi l-quddiesa” 

Farrugia qal li l-akbar tħassib tal-komunità mhuwiex jekk isirux attivitajiet fil-Belt Valletta, iżda l-effett tagħhom fuq il-funzjoni reliġjuża tal-knisja. 

“Dak li jinkwetani l-aktar huma n-nies li jiġu l-knisja. Il-mużika u l-għajjat kultant jispiċċaw ikunu aktar qawwija mill-vuċi tas-saċerdot waqt il-quddiesa.” 

Żied li problema oħra tibqa’ n-nuqqas ta’ aċċess għall-knisja. 

“Hemm ukoll il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà. Meta jkun hemm imwejjed, siġġijiet u folol quddiem il-knisja, persuni anzjani, persuni vulnerabbli u dawk li sempliċement iridu jidħlu għall-quddiesa jsibu diffikultà.” 

Skontu, dawn il-punti ilhom jiġu rrappurtati sa minn qabel l-2024 u baqgħu l-istess sal-lum. 

“Il-pulizija jiġu ... u kollox jerġa’ jibda” 

Farrugia faħħar il-ħidma tal-pulizija tal-lokal, iżda qal li l-infurzar waħdu mhux qed isolvi l-problema. 

“Aħna nċemplu lill-pulizija ta’ spiss u nirringrazzjawhom għax dejjem jiġu. Imma x’jiġri? Jinżel il-volum, il-pulizija jitilqu u ftit wara jerġa’ jogħla kollox.” 

Huwa saħaq li għalhekk il-problema tibqa’ waħda strutturali u mhux episodika. 

Tħassib dwar aktar stabbilimenti 

Il-Ministru Provinċjali qal ukoll li jinsab imħasseb dwar il-prospett ta’ stabbiliment ieħor fiż-żona. 

“Hemm applikazzjoni għal bar jew restaurant ieħor aktar ’il fuq. Jekk dan jiftaħ u ma jkollux biżżejjed spazju ġewwa, inevitabbilment ikun hemm aktar imwejjed barra. Dan ifisser aktar storbju u aktar problemi ta’ aċċess.” 

“M’iniex kontra d-divertiment” 

Farrugia insista li l-Knisja qatt ma talbet li jieqfu l-attivitajiet kulturali jew id-divertiment. 

“Aħna qatt ma għedna li n-nies m’għandhomx jiċċelebraw jew jieħdu gost. Imma bl-istess mod irridu li jkun hemm rispett għal min jixtieq jgħix il-fidi tiegħu.” 

Huwa sostna li għandu jkun hemm politika ċara dwar x’jista’ jsir qrib postijiet ta’ kult. 

“Fejn hemm il-knejjes għandu jkun hemm ċerti policies. Il-knejjes ilhom hemm ħafna iktar mill-bars.” 

Farrugia qal li r-reazzjoni fuq il-midja soċjali kienet turi li ħafna persuni qed jaqsmu dan it-tħassib. 

“Il-poplu jidher li jixtieq jgħix b’dinjità.” 

Fost il-punti li semma kien hemm ukoll il-burlesk li jsir fit-triq. 

“Skont il-valuri tiegħi, dak mhux adattat għal spazju pubbliku fejn jgħaddu familji bit-tfal. Mhux qed ngħid dan biex nattakka lil xi ħadd, imma biex nistaqsi jekk hux dak it-tip ta’ ambjent li nixtiequ fit-toroq tagħna.” 

Huwa qal li jekk wieħed ma jaċċettax ċertu aġir f’post pubbliku ieħor, lanqas m’għandu jkun aċċettat f’dik iż-żona. 

“Il-Ministru kien infurmat ħażin” 

Farrugia qal li jemmen li r-reazzjoni tal-Ministru kienet ibbażata fuq informazzjoni li waslet għandu u ma kinitx korretta.  

“Il-pulizija tal-lokal jafu kemm napprezza x-xogħol tagħhom. Għalhekk naħseb li l-Ministru ma kienx infurmat sew.” 

“Nemmen li ttieħdu ċerti passi, imma ċ-ċirkostanzi baqgħu l-istess.” 

Minkejja t-ton kritiku tiegħu, Farrugia appella għall-kollaborazzjoni aktar milli għall-konfront. 

Huwa qal li l-għan tiegħu qatt ma kien li jattakka lil xi persuna jew partit politiku.  

“Nisepera li min ħareġ stqarrija jgħid li tajna impressjoni ħażina u żgwidajna lin-nies joħroġ ukoll jgħid li dak li għedna huwa l-verità.” 

“Jiena dejjem tkellimt għall-ġid komuni.” 

Temm billi qal li l-isfida hi li Malta ssib bilanċ bejn il-ħajja kulturali, id-divertiment u d-dritt fundamentali għall-prattika tal-fidi. 

“Ejja naħdmu flimkien b’rieda tajba biex nagħtu lill-poplu Malti dak li jixtieq: li jiddeverti, imma wkoll li jkollu ċ-ċans jidħol fil-knisja u jgħix il-fidi tiegħu b’dinjità.” 

“Għax il-libertà mhijiex biss il-libertà li tiċċelebra. Hija wkoll il-libertà li persuna tkun tista’ tidħol f’kull knisja, taċċessaha mingħajr ostakli u tgħix il-fidi tagħha b’dinjità.” 

 

More in Kronaka