Bdew ix-xogħlijiet ta' konservazzjoni, manutenzjoni u restawr fil-Ġonna ta' San Anton, b'investiment ta' aktar minn €3 miljuni bil-għan li jiġi mħares wieħed mill-aktar ġonna prestiġjużi f'Malta.
Waqt żjara fuq is-sit flimkien ma' membri tal-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard u t-tim ta' Project Green, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li l-proġett huwa eżempju ieħor tal-impenn tal-gvern biex jipproteġi l-wirt storiku u ambjentali tal-pajjiż, filwaqt li jiżgura li dawn l-ispazji jibqgħu aċċessibbli u siguri għall-pubbliku.
"Il-Ġonna ta' San Anton huma fost l-aktar spazji miftuħa ta' importanza storika u kulturali f'pajjiżna. Permezz ta' dan il-proġett qed inħarsu l-karatteristiċi uniċi tagħhom biex ikunu jistgħu jitgawdew ukoll mill-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li jibqgħu joffru esperjenza ta' kwalità lill-eluf ta' persuni li jżuruhom kull sena," qalet Dalli.
Il-proġett se jirrispetta l-istorja tas-sit, li tmur lura għas-seklu 17, meta l-ġonna nħolqu madwar il-Palazz ta' San Anton. Matul is-snin, il-ġonna żviluppaw f'wieħed mill-aktar spazji miftuħa emblematiċi f'Malta, magħrufa għall-kollezzjoni estensiva ta' siġar maturi, pjanti ornamentali, monumenti u elementi arkitettoniċi ta' valur storiku.
Il-Kap tad-Disinn tal-Proġetti fi Project Green, Benjamin Vassallo, spjega li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni, restawr u konservazzjoni tal-ġonna, il-ħitan, il-mogħdijiet, l-istrutturi u l-elementi dekorattivi eżistenti se jitwettqu f'diversi fażijiet.
Huwa qal li dan huwa proġett ta' konservazzjoni li jeħtieġ ippjanar estensiv u interventi sensittivi. Għalhekk, ix-xogħlijiet tqassmu f'diversi fażijiet sabiex, waqt li jkun qed isir xogħol f'żona partikolari, il-bqija tal-ġonna jibqgħu miftuħa għall-pubbliku. Kull żona terġa' tiftaħ hekk kif jitlestew ix-xogħlijiet fiha, qabel jibda x-xogħol fil-parti li jmiss.
Minħabba n-natura sensittiva tal-proġett, l-interventi qed isiru b'attenzjoni kbira. Fost ix-xogħlijiet hemm it-tneħħija u s-sostituzzjoni bir-reqqa tal-blokok tal-paviment eżistenti, li qed jiġu eżaminati wieħed wieħed. Dawk li jinsabu f'kundizzjoni tajba qed jiġu nnumerati, ippreservati u jerġgħu jintużaw sabiex tinżamm kemm jista' jkun l-awtentiċità storika tal-ġonna.
Dan l-approċċ se jippermetti lill-pubbliku jkompli jgawdi l-Ġonna ta' San Anton matul ix-xogħlijiet, filwaqt li jiżgura li l-interventi kollha ta' konservazzjoni jsiru bl-ogħla standards u b'rispett sħiħ lejn dan is-sit storiku.
Il-proġett qed isir wara valutazzjoni teknika estensiva li identifikat il-ħtiġijiet ta' konservazzjoni tas-sit, li huwa skedat bħala proprjetà ta' Grad 1.