Il-PN jakkuża lill-gvern li qed jevita skrutinju parlamentari dwar il-ħsara fis-servizzi diġitali

L-Oppożizzjoni tgħid li għaddew aktar minn ġimagħtejn mill-ħsara fis-servizzi diġitali tal-gvern mingħajr ma tlaqqa' l-kumitat parlamentari responsabbli biex jinvestiga l-każ

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-gvern li qed jevita skrutinju parlamentari wara li, aktar minn ġimagħtejn wara l-ħsara li laqtet is-servizzi diġitali tal-gvern fl-14 ta' Lulju, għadu ma tlaqqax il-Kumitat Permanenti dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Affarijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali.

Il-ħsara seħħet hekk kif eluf ta' studenti daħlu fis-sistema biex jaraw ir-riżultati tal-eżamijiet tal-MATSEC. Fl-istess ħin ġew affettwati diversi servizzi diġitali tal-gvern, fosthom l-eID, MyHealth, eCourts, eApps, MyTax, is-sistema tar-Reġistru tan-Negozji ta' Malta u s-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-PN qal li fil-15 ta' Lulju l-membri tal-Oppożizzjoni fil-kumitat kitbu liċ-chairperson tiegħu, id-Deputat Laburista Ray Abela, biex jitolbu laqgħa urġenti ħalli jiġu eżaminati l-kawżi tal-inċident u jiġu diskussi miżuri biex sitwazzjonijiet simili ma jerġgħux iseħħu.

Skont il-partit, il-kumitat għadu ma ltaqax biex jiddiskuti l-każ. Qal li r-risposta li rċieva kienet tirreferi biss għal stqarrija maħruġa mill-Aġenzija għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni ta' Malta (MITA) dakinhar tal-inċident, minkejja li l-Oppożizzjoni kienet qed titlob skrutinju parlamentari aktar wiesa'. Wara dan, il-membri tal-Oppożizzjoni reġgħu talbu biex issir il-laqgħa.

Il-PN irrefera wkoll għal kummenti li għamel fil-Parlament il-Ministru għall-Edukazzjoni, li qal li l-problema oriġinat mill-MITA u mhux mill-MATSEC. Żied li s-suġġett lanqas ma ġie inkluż fl-aġenda tal-ewwel laqgħa tal-kumitat skedata wara l-waqfa tas-sajf.

Il-partit qal li l-ħsara affettwat studenti, professjonisti fil-qasam tas-saħħa, pazjenti, avukati, periti, negozji u diversi utenti oħra li ma setgħux jaċċessaw is-servizzi pubbliċi online.

Il-PN qed jitlob li l-kumitat jistabbilixxi x'wassal għall-ħsara u kemm damet, jidentifika s-servizzi u l-persuni affettwati, jeżamina l-miżuri li ttieħdu, jivvaluta jekk kienx hemm riskji għas-sigurtà, l-integrità jew id-disponibbiltà tad-data, u jiddetermina x'azzjonijiet se jittieħdu biex inċidenti simili jiġu evitati fil-futur.

L-Oppożizzjoni talbet ukoll li quddiem il-kumitat jissejħu rappreżentanti tal-MITA, tal-ministeri u tal-entitajiet pubbliċi involuti, kif ukoll rappreżentanti mis-servizzi affettwati, sabiex jagħtu spjegazzjoni teknika u amministrattiva dwar l-inċident.

Il-PN sostna li skrutinju parlamentari huwa essenzjali biex ikun hemm kontabbiltà u insista li s-servizzi pubbliċi diġitali għandhom ikunu siguri, affidabbli u kapaċi jlaħħqu mad-domanda. Fl-istess waqt sejjaħ lill-gvern biex jagħti aktar informazzjoni lill-pubbliku dwar dak li ġara.

More in Kronaka