Il-ħsara li ġarrbet statwa storika tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu waqt xogħol relatat ma’ produzzjoni internazzjonali fil-Belt Valletta qanqlet dibattitu nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u t-tradizzjonijiet tal-festi Maltin.
L-inċident seħħ proprju fil-jiem tal-festa u wassal biex l-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu Valletta ħarġet stqarrija qawwija fejn esprimiet id-diżappunt tagħha dwar is-sitwazzjoni. Fl-istqarrija, l-Għaqda qalet li wara xhur ta’ preparazzjoni u ġimgħat ta’ armar, il-voluntiera kienu waslu f’punt fejn “issa żżejjed”, filwaqt li saħansitra ddikjarat li kienet se tieqaf tkompli bl-armar jekk ma jittiħdux passi konkreti biex jiġu protetti l-festi.
L-istqarrija qanqlet mijiet ta’ reazzjonijiet fuq il-midja soċjali. Bosta persuni esprimew solidarjetà mal-Għaqda u sostnew li l-festi tradizzjonali qed jingħataw inqas importanza minn attivitajiet kummerċjali jew produzzjonijiet internazzjonali. Oħrajn argumentaw li Malta għandha tkun kapaċi tilqa’ produzzjonijiet barranin mingħajr ma jiġu kompromessi l-patrimonju kulturali u t-tradizzjonijiet li jiffurmaw parti mill-identità tal-pajjiż.
Ftit sigħat wara, iżda, il-każ ħa żvolta differenti meta ġie kkonfermat li ntlaħaq ftehim bejn il-kumpanija tal-produzzjoni u l-Għaqda. Il-kumpanija aċċettat li tiffinanzja r-restawr tal-istatwa u tal-pedestall tagħha.
Julian Vassallo, Chairperson tal-Għaqda Festa Madonna tal-Karmnu Valletta, spjega lil din il-gazzetta li minkejja l-attenzjoni kollha li ngħatat lill-produzzjoni tal-film, din ma kinitx il-kawża ewlenija tal-frustrazzjoni tal-Għaqda.
“L-akbar diffikultajiet li niltaqgħu magħhom huma relatati mal-ħsarat li jsiru lill-armar waqt il-perjodu tal-festa. Kull sena jkollna każijiet fejn trakkijiet jew vetturi kbar jolqtu l-arbli u l-armar, u dawn il-ħsarat jiswew ħafna xogħol u flus biex jissewwew.”
Dwar il-każ tal-istatwa, Vassallo qal li sar rapport immedjatament wara l-inċident u spjega li bħalissa l-istatwa tinsab f’laboratorju tar-restawr fejn qed isir kull sforz biex tissewwa bl-aħjar mod possibbli.
Huwa żied li kemm il-kumpanija tal-produzzjoni kif ukoll il-Ministeru kkuntattjaw lill-Għaqda sabiex jiġi assigurat li l-ispejjeż kollha tar-restawr jiġu koperti.
“Għandna kuntatt magħhom u ġejna infurmati li l-ispejjeż relatati mar-restawr se jiġu mħallsa.”
Minkejja dan, Vassallo sostna li l-kwistjoni tmur lil hinn mill-inċident innifsu. Skontu, il-problema ewlenija hija n-nuqqas ta’ kordinazzjoni bejn l-entitajiet involuti meta fil-Belt Valletta jkunu qed isiru diversi attivitajiet fl-istess żmien.
“Hemm bżonn aktar komunikazzjoni. Meta jkun żmien il-festa, għandu jkun hemm aktar kordinazzjoni biex ma jkunux qed isiru attivitajiet oħra li joħolqu diffikultajiet jew riskji għall-armar.”
Huwa qal ukoll li l-Għaqda tixtieq li wara li tgħaddi l-festa ssir laqgħa mal-awtoritajiet sabiex jitfassal pjan ċar għall-futur.
“Nixtiequ li jkun hemm taħdit serju mal-awtoritajiet, mhux biss għall-festa tal-Karmnu iżda wkoll għat-tliet festi l-oħra tal-Belt Valletta. L-għan mhuwiex li nwaqqfu attivitajiet oħra, iżda li kollox ikun organizzat b’mod li kulħadd ikun jista’ jaħdem mingħajr ma jinħolqu problemi.”
Vassallo enfasizza wkoll li l-ħsarat lill-armar mhumiex xi ħaġa ġdida.
“Dawn huma affarijiet li jiġru kważi kull sena. Għalhekk nixtiequ naraw pjan miftiehem minn qabel biex kulħadd ikun jaf x’jista’ jsir u fejn, u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn.”
Filwaqt li l-każ tal-istatwa jidher li qed jinstablu soluzzjoni permezz tar-restawr li se jkun iffinanzjat mill-kumpanija tal-produzzjoni, l-Għaqda tgħid li tittama li dan l-episodju jservi ta’ punt tat-tluq għal diskussjoni usa’ dwar kif il-festi tradizzjonali, il-patrimonju kulturali u attivitajiet oħra jistgħu jeżistu flimkien permezz ta’ ppjanar u kordinazzjoni aħjar.
Għall-Għaqda, il-messaġġ ewlieni jibqa’ wieħed: mhux li jitwaqqfu produzzjonijiet jew attivitajiet oħra, iżda li jkun hemm pjan miftiehem bejn il-partijiet kollha sabiex il-festi, li jiddependu fuq il-ħidma ta’ mijiet ta’ voluntiera, ikunu jistgħu jsiru b’mod sigur u mingħajr ostakli bla bżonn.