Mewġa ta’ sħana fuq Malta: Jitqajjem appell biex l-annimali jiġu protetti hekk kif it-temperaturi jilħqu l-40°C

It-temperaturi laħqu l-40°C matul il-weekend hekk kif Malta tidħol f’mewġa ta’ sħana. Filwaqt li l-Uffiċċju Meteoroloġiku qed iwissi dwar kundizzjonijiet estremi, l-Assoċjazzjoni For Abandoned Animals qed tappella lis-sidien biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex jipproteġu lill-annimali tagħhom mill-effetti tas-sħana qawwija.

Il-mewġa ta’ sħana li qed tolqot lill-Gżejjer Maltin intensifikat fi tmiem il-ġimgħa b’temperaturi li issa laħqu l-40°C. Apparti appelli għal kulħadd biex jieħdu prekawzjonijiet, organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb l-annimali qed jappellaw lis-sidien biex jieħdu jipproteġu l-pets u l-bhejjem tagħhom sabiex jevitaw każijiet ta’ heat stroke u problemi oħra relatati mas-sħana. 

Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ridge estensiv ta’ pressjoni għolja estenda mill-Afrika ta’ Fuq lejn il-Mediterran ċentrali, inklużi l-Gżejjer Maltin. Din is-sistema mistennija tibqa’ tippersisti fil-jiem li ġejjin, u twassal għal temperaturi ferm ogħla mis-soltu għal dan iż-żmien tas-sena. 

L-Uffiċċju Meteoroloġiku qal ukoll li l-kundizzjonijiet ta’ heatwave mistennija jibqgħu għaddejjin sa għada. 

Filwaqt li t-temperatura medja għal Lulju hija ta’ 26.9°C u l-medja tal-ogħla temperatura hija ta’ 31.7°C, il-livelli għoljin ta’ umdità jistgħu jagħmlu t-temperatura tinħass ferm ogħla. 

L-Assoċjazzjoni For Abandoned Animals (AAA), li tieħu ħsieb madwar 80 kelb fis-santwarju tagħha f’Birżebbuġa, qalet li s’issa ma kellha l-ebda każ ta’ kelb li sofra minn heat stroke. L-organizzazzjoni spjegat li matul ix-xhur tas-sajf tieħu diversi miżuri biex tnaqqas ir-riskji marbutin mas-sħana, fosthom iżżomm fannijiet mixgħulin, tiżgura ventilazzjoni adegwata permezzta’ twieqi miftuħa u tuża extractors flimkien ma’ soqfa għoljin biex tinżamm temperatura aktar komda għall-annimali. 

L-AAA spjegat ukoll li meta klieb jiġu adottati, lis-sidien il-ġodda dejjem jingħataw gwida dwar kif għandhom jieħdu ħsiebhom matul il-ġranet sħan. Fost il-pariri hemm li l-mixjiet isirukmieni filgħodu jew wara nżul ix-xemx, b’mod partikolari fil-każ ta’ razez b’wiċċ ċatt li huma aktar suxxettibbli għas-sħana. 

L-organizzazzjoni tissuġġerixxi wkoll li qabel il-kelb joħroġ għal mixja, is-sid għandu jiċċekkja t-temperatura tal-bankina billi jqiegħed idu fuqha għal madwar ħames sekondi. Jekk il-wiċċikun sħun wisq għall-id, ikun ukoll perikoluż għall-pads tas-saqajn tal-kelb. 

Filwaqt li enfasizzat ir-responsabbiltà tas-sidien li jipproteġu lill-annimali tagħhom waqt temperaturi estremi, l-AAA sostniet li hemm bżonn aktar kampanji ta’ għarfien dwar il-perikli tal-heat stroke fl-annimali. Skont l-assoċjazzjoni, informazzjoni permezz tat-televiżjoni, il-midja soċjali u billboards tista’ tgħin biex aktar persuni jkunu konxji tar-riskji u jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. 

Hekk kif il-pajjiż qed iħejji ruħu għall-aktar ġranet sħan tas-sena s’issa, l-awtoritajiet u l-għaqdiet tal-annimali qed jappellaw lill-pubbliku biex ma jħallix annimali esposti għax-xemx, jiżgura li dejjem ikollhom ilma frisk disponibbli u jevita kull attività fiżika matul is-sigħat meta x-xemx tkun l-aktar qawwija. 

 

More in Kronaka