Theuma kien jemmen li Keith Schembri kien involut fil-qtil ta’ Daphne - 'Il-Ġojja'
Fix-xhieda tiegħu waqt il-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Edgar Brincat “Il-Ġojja” jgħid li Melvin Theuma kien ikkonvinċa ruħu li Keith Schembri kien involut fil-qtil
minn Jaelle Borg
“Melvin Theuma kien jemmen li Keith Schembri kien involut fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.” Hekk xehed ilbieraħ fil-Qorti Edgar Brincat, negozjant tal-karozzi magħruf bħala "il-Ġojja", waqt il-ġuri ta’ Yorgen Fenech, akkużat li kkummisjona l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017.
Waqt li kien iwieġeb mistoqsijiet mill-prosekutur Godwin Cini, Brincat qal ukoll li Theuma qatt ma kien tkellem ma' Schembri dwar il-qtil innifsu. U skontu, Theuma kien saħansitra kkunsidra jmur għand Schembri biex jitolbu l-flus.
Brincat xehed li ilu jaf lil Theuma sa minn meta dan kellu 16 jew 17-il sena, wara li ltaqgħu fil-Marsa, fejn Brincat kellu żwiemel tat-tiġrija. Meta mistoqsi dwar ir-relazzjoni tagħhom, Brincat qal li kienu "ħbieb" u li kellhom relazzjoni tajba ħafna.
Brincat irrakkonta li kien Melvin Theuma stess li mar għandu d-dar wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u qallu li kien involut fil-każ.
Brincat xehed li Theuma qallu li kien is-sensar bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Degiorgio
Skont Brincat, Theuma qallu wkoll li kien se jitlob maħfra presidenzjali, u semmielu li Vince Muscat ukoll kien se jagħmel l-istess.
Brincat qal li dak il-kliem ħallieh xxukkjat. "Hu kien qisu miġnun, jibki... Lanqas ridt nemmen," xehed Brincat quddiem il-ġurati.
Hu kompla jgħid li Theuma kien qallu dwar is-somma ta' €150,000 li, skont hu, kien irċieva mingħand Yorgen Fenech biex jgħaddiha lill-aħwa Degiorgio. Żied li Theuma kien semmielu wkoll ammonti oħra ta' flus, u qal li kull ġimgħa kien jagħti flus lil persuna marbuta mal-aħwa Degiorgio.
Brincat qal li Theuma kien irrakkontalu wkoll dwar il-"phantom job" tiegħu, u kif kien Yorgen Fenech li qallu biex imur Kastilja, fejn aktar tard beda jitħallas mill-Gvern minkejja li, skont il-prosekuzzjoni, ma kien jagħmel l-ebda xogħol.
Mistoqsi għaliex Theuma kien jemmen li Schembri kien involut, Brincat wieġeb li dan kien għaliex Fenech kien isemmi lil Schembri ta' spiss, minkejja li l-konversazzjonijiet bejn Theuma u Schembri kienu jikkonċernaw biss il-phantom job.
"Għalhekk għedtlu biex ma jmurx jitlob flus lil Keith Schembri, għax x'jiġri jekk Schembri ma kien jaf xejn dwar il-pjan tal-qtil?" xehed Brincat.
Din il-ġimgħa fetħet bix-xhieda estensiva ta' Vince Muscat, magħruf bħala "Il-Koħħu", li ta deskrizzjoni dettaljata tal-pjanijiet li, skont hu, wasslu għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Muscat xehed dwar allegat pjan inizjali fl-2015 li ma twettaqx, dwar is-sorveljanza tal-movimenti tal-ġurnalista u dwar kif allegatament ġiet ippjanata u mwettqa l-isplużjoni li qatlet lil Caruana Galizia fis-16 ta' Ottubru 2017. Huwa għamel ukoll allegazzjonijiet dwar kuntatti ma' persuni pubbliċi u dwar informazzjoni li allegatament kienet qed tgħaddi dwar l-investigazzjoni.
Fil-kontro-eżami tiegħu, Muscat ġie mistoqsi dwar diversi aspetti tax-xhieda li kien ta qabel, inkluż l-allegat pjan tal-2015, il-messaġġi mibgħuta lil Daphne Caruana Galizia qabel il-qtil u l-kuntatti tiegħu mal-pulizija wara l-arrest. Huwa tenna li beda jikkoopera mal-awtoritajiet fl-2018 bit-tama li jingħata maħfra presidenzjali.
Aktar tard fil-ġimgħa xehdu Alfred u George Degiorgio. Alfred Degiorgio rrifjuta jwieġeb il-parti l-kbira tal-mistoqsijiet li sarulu u ġie ordnat jiffaċċja proċeduri ta' disprezz tal-Qorti. George Degiorgio ta l-verżjoni tiegħu tal-allegat pjan tal-2015 u għamel allegazzjonijiet dwar diversi persuni, filwaqt li sostna wkoll li taħditiet mal-pulizija dwar maħfra presidenzjali kienu twaqqfu. Il-persuni msemmija dejjem ċaħdu kull involviment fil-qtil.
Il-ġurija semgħet ukoll xhieda mis-Supretendent Nicholas Vella dwar l-investigazzjoni fuq Melvin Theuma, li kienet tinkludi l-arrest tiegħu, l-elevazzjoni ta' apparat elettroniku, recordings u dokumenti, kif ukoll aktar minn €790,000 fi flus kontanti minn proprjetajiet marbuta miegħu. Esperti tal-Europol ippreżentaw ukoll evidenza forensika dwar il-bomba li ntużat fil-qtil, filwaqt li xhieda oħra taw dettalji dwar pagamenti lill-familji ta' Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat wara l-arrest tagħhom.
Sal-aħħar tas-16-il jum tal-ġuri, il-Qorti kienet qed tisma' x-xhieda ta' Edgar Brincat ("il-Ġojja"), li xehed dwar dak li, skont hu, kien qallu Melvin Theuma dwar ir-rwol tiegħu bħala sensar bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Degiorgio, dwar ir-recordings sigrieti li kien għamel u dwar l-intenzjoni tiegħu li jmur għand il-pulizija u jitlob maħfra presidenzjali. Is-seduta kompliet b'recording li beda jinstema' fil-Qorti, għalkemm il-kontenut tiegħu ma setax jiġi rrappurtat wara direzzjoni mogħtija mill-Imħallef.
