Wieħed wara l-ieħor ... dawn huma l-ismijiet kbar li qed jissemmew fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Akkużat wieħed, iżda ismijiet li donnhom ma jispiċċaw qatt. Hekk kif il-ġuri ta’ Yorgen Fenech miexi ’l quddiem, kważi kull seduta qed terġa’ tqajjem kapitlu ieħor mill-istorja politika u istituzzjonali ta’ Malta, permezz ta’ allegazzjonijiet li qed jinstemgħu fil-Qorti

Hekk kif il-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kompla javvanza, l-iffukar ma baqax biss fuq l-akkużat. Matul il-ġranet ta’ xhieda, diversi persuni li għal snin kienu fost l-aktar influwenti fil-politika, fil-korpi tal-Istat u fil-qasam legali reġgħu tfaċċaw fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara li ssemmew minn xhieda differenti. 

Għalkemm il-ġuri qed jiddetermina biss ir-responsabbiltà kriminali ta’ Yorgen Fenech, ix-xhieda li nstemgħu sal-lum reġgħu qajmu mistoqsijiet dwar allegazzjonijiet li ilhom isiru għal snin. L-ironija hi li, minkejja li l-ġuri għandu akkużat wieħed biss, għal min qed isegwi l-proċeduri minn barra l-awla kultant jidher qisu qed jerġa’ jinfetaħ album sħiħ tal-politika Maltija tal-aħħar għaxar snin. Kull jum iġib miegħu isem ieħor li xi darba kien jokkupa l-ewwel paġni tal-gazzetti. 

Huwa importanti li wieħed jenfasizza li dawn huma allegazzjonijiet li tressqu waqt il-proċeduri tal-Qorti. Diversi mill-persuni msemmija ċaħdu kull involviment. 

Keith Schembri – L-Isem li baqa’ jiġi ripetut 

L-Eks Chief of Staff Keith Schembri huwa bla dubju wieħed mill-aktar ismijiet li ssemmew matul il-ġuri. 

Fl-ewwel ġranet tax-xhieda, il-ġurija semgħet dwar stqarrijiet attribwiti lil Yorgen Fenech li fihom allegatament issemma Schembri b’rabta ma’ dak li kien qed iseħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Aktar tard, l-investigatur ewlieni Keith Arnaud spjega wkoll kif komunikazzjonijiet u evidenza miġbura matul l-investigazzjoni wasslu biex l-isem tiegħu reġa’ daħal fid-diskussjoni. 

L-akbar impatt wasal, iżda, meta George Degiorgio u Alfred Degiorgio semmew lil Schembri waqt ix-xhieda tagħhom, fejn għamlu allegazzjonijiet serji dwar l-allegat involviment tiegħu. Alfred Degiorgio allega li Schembri huwa involut żġur filwaqt li George Degiorgio spjega li fl-2017 ġie ordnat mingħand Melvin Theuma biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia, George mar għand Chris Cardona biex isaqsi min għamel din l-ordni u Degiorgio allega li Cardona qallu b’mod sarkastiku, “u mhux Schembri.” 

Keith Schembri
Keith Schembri

Chris Cardona – Allegazzjonijiet li jmorru lura għall-2015 

Wieħed mill-aktar mumenti li ġibed l-attenzjoni kien meta George Degiorgio allega li kien jeżisti pjan separat biex Daphne Caruana Galizia tinqatel sa mill-2015. 

Skont ix-xhud, l-Eks Ministru Chris Cardona kien allegatament involut f’dak il-pjan u kien sar ħlas bil-quddiem. Aktar tard, Alfred Degiorgio wkoll semma lil Cardona meta beda x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurija. 

Dawn huma allegazzjonijiet li Cardona ċaħad kompletament.  

Chris Cardona
Chris Cardona

David Gatt – L-Avukat li ssemma aktar minn darba  

L-Avukat David Gatt ukoll daħal fiċ-ċentru tal-attenzjoni meta ssemma kemm minn George kif ukoll minn Alfred Degiorgio, u anki minn Vince Muscat.  

Fix-xhieda tagħhom, allegaw li Gatt kellu rwol ta’ kuntatt jew intermedjarju f’laqgħat relatati mal-pjan deskritt minnhom. L-Avukat ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u m’hemm l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonfermahom. 

Il-fatt li ismu tfaċċa minn aktar minn xhud wieħed għamel din il-parti tax-xhieda fost l-aktar diskussi fil-ġranet riċenti tal-ġuri. 

David Gatt
David Gatt

Joseph Muscat – L-Eks Prim Ministru reġa’ ssemma 

L-isem tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat ukoll tfaċċa waqt diversi partijiet tal-proċeduri. 

Fost l-oħrajn, il-ġurija semgħet dwar stqarrijiet attribwiti lil Yorgen Fenech u dwar allegati komunikazzjonijiet wara l-qtil. Matul il-kontroeżamijiet ukoll tqajmu mistoqsijiet dwar kuntatti u ċirkostanzi relatati ma’ dak il-perjodu. Fost dawn kien hemm messaġġi bejn Joseph Muscat u Yorgen fenech l-għada ta’ party li għalih kien mistieden Yorgen Fenech.  

Muscat dejjem ċaħad kull allegazzjoni li kellu involviment fil-qtil jew li għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech. 

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Lawrence Cutajar – L-Eks Kummissarju tal-Pulizija 

L-isem tal-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar reġa’ ħareġ waqt ix-xhieda ta’ George Degiorgio. 

Ix-xhud allega li waqt diskussjonijiet dwar il-pjan deskritt minnu kien sar riferiment għal “il-Kummissarju”. Aktar tard, waqt il-kontroeżami tal-investigatur Keith Arnaud, id-difiża wkoll qajmet diversi mistoqsijiet dwar ir-rwol ta’ Cutajar matul l-investigazzjoni. 

Laurence Cutajar
Laurence Cutajar

L-Eks Imħallef li ssemma fil-proċeduri 

Matul il-ġuri ssemma wkoll eks membru tal-ġudikatura f’kuntest ta’ xhieda u mistoqsijiet dwar xi allegatament flus. Ismu tfaċċa bħala parti mix-xhieda ta’ Vince Muscat. 

Din kienet waħda minn diversi referenzi għal persuni magħrufa li wasslu biex il-proċeduri jkomplu jiġbdu attenzjoni kbira mill-pubbliku. 

Adrian Vella – It-tabib li reġa’ tfaċċa fix-xhieda 

Wieħed mill-ismijiet li reġa’ tfaċċa waqt il-ġuri kien dak tat-Tabib Adrian Vella. Waqt il-kontroeżami tal-investigatur ewlieni Keith Arnaud, dan ikkonferma li, skont l-investigazzjoni, Vella kien ġabar ittra mingħand Keith Schembri biex iwassalha lil Yorgen Fenech. 

Arnaud qal ukoll li ma setax jikkonferma b’ċertezza x’kien hemm miktub fl-ittra. Meta mistoqsi mid-difiża, huwa kkonferma wkoll li Vella kien ġie interrogat b’rabta ma’ din l-ittra u li kien jaf li l-investigazzjoni kienet relatata mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

L-isem ta’ Vella ilu jissemma fil-kuntest tal-investigazzjoni sa mill-2019, iżda fil-ġuri reġa’ daħal fix-xena permezz tax-xhieda ta’ Arnaud, hekk kif ġew diskussi l-komunikazzjonijiet u l-passi investigattivi meħuda wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech. 

Adrian Vella
Adrian Vella

Anthony Sammut ‘Toni l-Iblah’ – isem li ħareġ waqt il-kontroeżami 

Isem ieħor li tfaċċa waqt il-kontroeżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud kien dak ta’ Anthony Sammut, magħruf bħala “Toni l-Iblah”. 

Id-difiża staqsiet lil Arnaud dwar digriet tal-Qorti li kien isemmi lil Sammut bħala persuna ta’ interess fl-investigazzjoni tal-qtil. Ġie rrimarkat ukoll li Sammut kien ħadem fil-Ministeru ta’ Chris Cardona u li ismu kien jissemma f’ittra li ngħatat lil Yorgen Fenech ftit jiem wara l-arrest tiegħu. Skont dak li ntqal fil-Qorti, dik l-ittra kienet tipprova torbot lill-Eks Ministru Chris Cardona mal-qtil. 

Arnaud xehed li hu sema’ b’Sammut għall-ewwel darba proprju permezz ta’ dik l-ittra. Qal ukoll li, minkejja li aktar tard sar jaf b’allegati rabtiet tiegħu mal-aħwa Degiorgio u ma’ Vince Muscat “il-Koħħu”, Sammut qatt ma kien parti mill-investigazzjoni tiegħu u qatt ma ħareġ evidenza li wasslet lill-pulizija lejh. 

 

Anthony Chetcuti “Il-Biglee” – imsemmi b’rabta ma’ allegati kuntatti 

Matul l-istess kontroeżami, id-difiża qajmet ukoll l-isem ta’ Anthony Chetcuti, magħruf bħala “Il-Biglee”. 

Fil-Qorti ssemma li, skont xhieda li kienet instemgħet qabel, Chetcuti kien allegatament serva bħala persuna ta’ kuntatt bejn l-eks Ministru Chris Cardona u oħrajn. 

Meta mistoqsi dwaru, Keith Arnaud xehed li l-investigazzjoni qatt ma wasslet lill-pulizija għand Anthony Chetcuti. Huwa spjega li l-unika azzjoni meħuda mill-investigaturi kienet li jiġi ppreservat il-mowbajl u l-evidenza tat-telefown tiegħu, iżda qal li ma kien hemm l-ebda evidenza li wasslet biex isir suspettat jew parti mill-investigazzjoni kriminali. 

Anthony Chetcuti
Anthony Chetcuti

Johann Cremona – in-negozjant li reġa’ ħareġ fix-xhieda 

Isem ieħor li reġa’ tfaċċa matul il-ġuri kien dak tan-negozjant Johann Cremona, magħruf bħala sieħeb fin-negozju ta’ Yorgen Fenech u persuna li kienet taf ukoll lil Melvin Theuma. 

Waqt il-kontroeżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, l-Avukat tad-Difiża Giannella de Marco talbet li jiġu esebiti diversi estrazzjonijiet forensiċi tat-telefowns u call profiles marbuta mal-investigazzjoni. Fosthom kien hemm dawk relatati ma’ Keith Schembri, Kenneth Camilleri u Johann Cremona. 

Fil-Qorti nstema’ li Cremona kellu ħames numri tat-telefown – linja fissa u erba’ mowbajls – li kienu parti mill-materjal investigattiv analizzat mill-pulizija. 

L-isem ta’ Cremona kompla jissemma matul il-proċeduri bħala wieħed mill-persuni li kellhom kuntatti ma’ diversi protagonisti fil-każ, fatt li wassal biex il-komunikazzjonijiet tiegħu jkunu fost dawk eżaminati mill-investigaturi. 

 

Kenneth Camilleri – l-Eks Uffiċjal tas-Sigurtà fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru 

Fost il-persuni li reġgħu ssemmew waqt il-ġuri kien hemm ukoll Kenneth Camilleri, l-Eks Uffiċjal tas-Sigurtà fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kien jaħdem mill-qrib mal-Eks Chief of Staff Keith Schembri. 

Matul il-kontroeżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, id-difiża talbet li jiġu esebiti diversi estrazzjonijiet forensiċi u call profiles relatati mal-investigazzjoni. Fost il-materjal mitlub kien hemm ukoll ir-records tat-telefown ta’ Kenneth Camilleri, flimkien ma’ dawk ta’ Keith Schembri u Johann Cremona. 

Ġuri li qabeż il-bank tal-akkużat 

Sal-lum, il-ġuri ta’ Yorgen Fenech ma kienx biss dwar il-provi kontra l-akkużat. Sar ukoll pjattaforma fejn, permezz tax-xhieda li qed jinstemgħu, reġgħu tfaċċaw ismijiet li għal snin kienu assoċjati mal-ogħla livelli tal-poter f’Malta. 

Minn eks prim ministru, għal eks ministri, eks kummissarju tal-pulizija u avukati magħrufa, il-ġuri kompla jqajjem interess nazzjonali hekk kif kull jum ġab miegħu allegazzjonijiet ġodda u ismijiet ġodda. 

Madankollu, għandu jibqa’ ċar li dak kollu li ntqal minn xhieda fil-Qorti għadu qed jiġi evalwat fil-proċess kriminali. Il-persuni msemmija huma intitolati għall-preżunzjoni tal-innoċenza, u hija l-ġurija li fl-aħħar mill-aħħar se tevalwa l-affidabbiltà tax-xhieda u l-piż tal-evidenza ppreżentata matul il-ġuri. 

 

 

More in Kronaka