Il-PA tapprova 20 padel court illegali f'Manoel Island u tagħti l-permess għal 10 oħra

Il-Bord tal-Ippjanar approva s-sanzjonar tal-kumpless wara multa ta' €900 u planning gain ta' €25,000, minkejja l-oġġezzjonijiet ta' residenti u għaqdiet ambjentali

Il-Bord tal-Ippjanar approva l-applikazzjoni ta' Gżira United FC biex jirregolarizza 20 padel court mibnija illegalmentf'Manoel Island, filwaqt li ta wkoll il-permess għall-iżvilupp ta' 10 courts oħra fuq is-sit ta' 6,700 metru kwadru.

L-iżvilupp ġie approvat suġġett għal multa ta' sanzjonar ta' €900 u planning gain ta' €25,000, proposta mressqa miċ-chairman tal-bord Emmanuel Camilleri, li ddeskriva l-multa bħala "redikola" fid-dawl tal-fatt li l-kumpless se jintuża għal skopijiet kummerċjali.

Is-sindku tal-Gżira Neville Chetcuti, li jirrappreżenta lill-kunsill lokali fuq il-bord, ivvota favur l-applikazzjoni. L-uniku vot kontra kien dak tar-rappreżentant tal-NGOs Romano Cassar, li qal li d-deċiżjoni tkompli tħeġġeġ il-mentalità ta' "ibni issa u ssanzjona wara."

Il-każ kien ġie pospost qabel l-elezzjoni ġenerali fuq talba tal-applikant u president ta' Gżira United Sharlon Pace, minħabba li l-avukat tiegħu ma setax jattendi.

Waqt is-seduta, l-attivista ta' Manoel Island Post Għalina, Marie Claire Gatt, qalet li l-pubbliku ma ħallasx €43 miljun biex Manoel Island terġa' lura għand il-Gvern "biex xi ħadd ieħor jagħmel aktar flus."

Min-naħa tiegħu, Joseph Florian Micallef minn Moviment Graffitti sostna li ladarba l-art issa hija tal-Gvern, l-iżvilupp kellu jkun approvat biss bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li talab il-pubblikazzjoni tal-ftehimiet kollha relatati mas-sit.

Il-perit tal-proġett Ruben Sciortino qal li l-courts huma strutturi riversibbli li jistgħu jitneħħew faċilment jew jinbidlu għal użi sportivi oħra. Huwa sostna wkoll li Gżira United tkun lesta titlaq mis-sit jekk tingħata faċilitajiet alternattivi.

Oġġezzjonijiet tqajmu wkoll minn Astrid Vella, li wissiet dwar l-impatt tad-dawl tal-floodlights fuq il-veduti tal-Belt Valletta u fuq il-kandidatura ta' Malta biex testendi l-istatus ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għan-netwerk ta' fortifikazzjonijiet tal-Kavallieri.

Minkejja dawn l-oġġezzjonijiet, il-Bord approva l-applikazzjoni, filwaqt li d-Direttorat tal-Iżvilupp sostna li s-sit ilu jintuża għal skopijiet sportivi u li l-istrutturi ma jfixklux il-pjanijiet futuri għal Manoel Island.

More in Kronaka