Ajruplan ta' Ryanair, operat minn Malta Air, kellu jirritorna lejn l-ajruport ta' Thessaloniki fil-Greċja wara li tieqa tal-kabina nqalgħet ftit wara t-tluq.
Skont rapporti fil-midja Griega u Ġermaniża, passiġġier Serb ta' madwar 60 sena spiċċa mdendel parzjalment barra mill-ajruplan wara li t-tieqa ħdejn is-siġġu tiegħu nqalgħet waqt it-titjira.
Xhieda qalu li r-raġel spiċċa b'rasu u spallejh barra mill-ajruplan għal diversi minuti, sakemm passiġġieri oħra rnexxielhom jiġbduh lura ġewwa. Passiġġier wieħed qal li ċ-ċinturin tas-sigurtà kien kruċjali biex ma seħħitx traġedja.
L-inċident seħħ waqt titjira minn Thessaloniki lejn Memmingen fil-Ġermanja.
Filmati li qed iduru fuq il-midja soċjali juru passiġġiera liebsa maskra tal-ossiġnu filwaqt li tidher ukoll it-tieqa bil-ħsara.
Fi stqarrija, Ryanair ikkonfermat li l-ajruplan irritorna lejn Thessaloniki wara li "tieqa tal-passiġġieri nqalgħet waqt it-titjira". Il-linja tal-ajru qalet li l-ajruplan niżel b'mod normali u l-passiġġieri reġgħu ddaħħlu fit-terminal.
Żiedet li passiġġier wieħed talab assistenza medika wara l-inżul u ngħata l-kura meħtieġa, filwaqt li ġie organizzat ajruplan ieħor biex il-passiġġieri jkomplu l-vjaġġ tagħhom lejn il-Ġermanja ftit sigħat wara.
S'issa, Ryanair għadha ma spjegatx x'wassal biex it-tieqa tinqala'. Xi passiġġieri, ikkwotati mill-midja internazzjonali, spekulaw li setgħet intlaqtet minn biċċiet li nfirdu mill-magna tal-ajruplan, għalkemm din l-informazzjoni għadha ma ġietx ikkonfermata.
Passiġġieri oħra qalu li ftit wara t-tluq semgħu ħoss qawwi, segwit bit-tkissir tat-tieqa u l-ħruġ awtomatiku tal-maskri tal-ossiġnu.
L-Awtorità tal-Avjazzjoni Irlandiża (IAA) qalet li hija konxja tal-inċident u se tikkollabora mal-awtoritajiet Griegi u mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili f'Malta fl-investigazzjoni dwar il-każ.