Il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield iffirma l-avviż legali tant mistenni li se jintroduċi s-sistema ta' multi fuq il-post għal persuni mhux residenti li jiksru l-liġi f'Malta.
L-aħbar tħabbret mill-Ministru stess fuq il-midja soċjali, ġurnata wara li l-Ministeru għall-Intern kien qal li l-avviż legali kien se jiġi ppubblikat fil-jiem li ġejjin.
L-avviż legali huwa mistenni jidħol fis-seħħ fi żmien 24 siegħa, u se jagħti s-setgħa lill-Pulizija tieħu azzjoni immedjata kontra persuni mhux residenti li jwettqu reati jew imġiba antisoċjali.
L-introduzzjoni ta' din il-miżura ilha tintalab għal snin sħaħ, b'mod partikolari mill-Kunsill Lokali ta' Swieqi u r-residenti tiegħu, li ilhom madwar għaxar snin jisħqu fuq il-ħtieġa ta' aktar infurzar kontra l-imġiba antisoċjali f'żoni b'konċentrazzjoni għolja ta' appartamenti għall-kiri fuq żmien qasir.
Il-Gvern kien wiegħed li l-multi fuq il-post jiddaħħlu sal-1 ta' Ġunju sabiex jindirizza l-imġiba antisoċjali minn persuni mhux residenti. Madankollu, wara li tħabbret l-elezzjoni ġenerali, il-leġiżlazzjoni ma kinitx ġiet introdotta.
Bl-iffirmar tal-avviż legali, il-miżura mistennija tidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin u tippermetti lill-Pulizija timponi multi immedjati mingħajr il-ħtieġa li l-każ jgħaddi minn proċeduri twal.