Il-Partit Nazzjonalista kkritika lill-eks Ministru tat-Trasport Chris Bonett, u sostna li ħalla 174 mistoqsija parlamentari mingħajr tweġiba matul l-aħħar leġiżlatura, l-ogħla numru fost il-ministeri kollha.
Fi stqarrija, il-PN qal li dan joħloq tħassib dwar il-kontabilità u r-responsabbiltà tal-Gvern, filwaqt li rrefera wkoll għall-kontroversja li nqalgħet dwar il-parkeġġ f'San Tumas, Marsaskala.
Il-partit irrefera għal mistoqsija parlamentari mressqa mid-deputat Nazzjonalista Michael Piccinino, li minnha rriżulta li bejn l-2022 u l-2026 baqgħu aktar minn 1,200 mistoqsija parlamentari mingħajr tweġiba, bil-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jirreġistra l-ogħla numru.
Il-PN qal ukoll li l-każ tal-parkeġġ f'San Tumas juri nuqqas ta' responsabbiltà ministerjali.
Il-kontroversja qamet wara li Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet ta' tisbiħ fiż-żona, fosthom pavimentar u livellar tal-parkeġġ, li kien ilu jintuża mingħajr ħlas għal bosta snin. Aktar tard, iżda, ħareġ li l-art kienet ilha proprjetà privata.
Skont il-PN, il-fatt li saru xogħlijiet estensivi b'fondi pubbliċi qabel ġie identifikat l-istatus tal-art iqajjem mistoqsijiet serji dwar kif ġie amministrat il-proġett.
Min-naħa tiegħu, Chris Bonett ikkonferma li Infrastructure Malta saret taf biss wara li tlestew ix-xogħlijiet li kien hemm parti terza li kienet qed tagħmel pretensjoni fuq is-sit.
Sadanittant, il-Kunsill Lokali ta' Marsaskala neħħa t-tabelli li kien poġġa fil-parkeġġ wara li rċieva komunikazzjoni dwar is-sjieda tal-art, filwaqt li appella biex jinstab ftehim mal-proprjetarju sabiex il-parkeġġ jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas.
Il-PN temm jgħid li l-pubbliku jistenna serjetà u kontabilità mill-membri tal-Gvern, u sostna li dawn ma jintwerewx meta mistoqsijiet parlamentari jibqgħu mingħajr tweġiba jew meta fondi pubbliċi jintefqu fuq xogħlijiet li jispiċċaw isiru fuq art privata.