Il-Kunsill Lokali ta' Marsaskala appella biex il-parkeġġ f'San Tumas jibqa' miftuħ għall-pubbliku mingħajr ħlas wara li qamet kontroversja dwar tariffi ġodda introdotti fuq art li għal snin twal intużat b'xejn.
Fi stqarrija, il-Kunsill fakkar li Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet estensivi ta' tisbiħ tul il-kosta ta' Marsaskala, miż-żona tal-Munxar f'San Tumas sas-sit tal-pixxina l-antika ta' Marsaskala.
Skont il-Kunsill, ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-titjib taż-żona tal-parkeġġ quddiem il-vilel, il-livellar tal-art, it-tneħħija ta' diversi perikli u t-tqegħid ta' pavimentar sabiex iż-żona tibqa' tintuża mill-pubbliku kif ilha għal għexieren ta' snin.
Madankollu, il-kwistjoni qajmet kontroversja wara li sewwieqa sabu li bdew jintalbu jħallsu biex jipparkjaw fil-post.
Il-Kunsill qal li kien hemm qbil unanimu fost il-membri tiegħu li din iż-żona għandha tibqa' tintuża bħala parkeġġ pubbliku u mingħajr ħlas.
Fl-istess waqt, il-persuna li tmexxi s-sit sostniet li għandha kuntratt ta' kiri fuq l-art u qed taġixxi skont id-drittijiet tagħha bħala kerrej. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Bonett qal li l-parkeġġ għandu jibqa' aċċessibbli mingħajr ħlas u li s-sena li għaddiet kien beda proċess ta' esproprjazzjoni tal-art.
Il-Kunsill żied li wara l-laqgħa tiegħu tal-24 ta' Ġunju rċieva ittra reġistrata flimkien ma' kopja tal-kuntratt, li permezz tagħha ġie infurmat li l-art hija proprjetà privata u ntalab ineħħi ċertu tabelli li kienu twaħħlu fis-sit.
Skont il-Kunsill, dawn it-tabelli tneħħew.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill appella lill-awtoritajiet biex, filwaqt li jirrispettaw il-liġi, isibu ftehim mas-sid jew mal-kerrej tal-art sabiex il-parkeġġ jibqa' disponibbli għall-komunità u għall-pubbliku mingħajr ħlas.