Voice for Choice tikkritika s-sentenza fil-każ tal-abort u ssejħilha "tebgħa fuq id-drittijiet tan-nisa"

L-NGO qalet li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tinjora l-evidenza xjentifika internazzjonali u tħalli lin-nisa jistennew sakemm ħajjithom tkun fil-periklu qabel jingħataw kura

L-għaqda Voice for Choice ikkundannat is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali fil-każ ta' Andrea Prudente, u ddeskrivietha bħala "tebgħa fuq id-drittijiet tan-nisa u l-kura tas-saħħa riproduttiva f'Malta."

Fi stqarrija, l-NGO sostniet li d-deċiżjoni tinjora l-kunsens xjentifiku internazzjonali u tibgħat messaġġ allarmanti lin-nisa tqal f'Malta.

Skont Voice for Choice, is-sentenza ssaħħaħ prattika fejn mara trid tasal f'periklu imminenti għall-ħajja qabel tkun tista' tingħata trattament mediku li jista' jsalvaha.

L-għaqda rreferiet għal ittra ppreżentata mill-International Federation of Gynecology and Obstetrics (FIGO), li tgħid li f'tqala ta' 15-il ġimgħa r-riskju għall-omm li tbati emorraġija serja jew infezzjoni fatali huwa ferm ogħla mill-possibbiltà li l-fetu jgħix. Żiedet li FIGO tindika wkoll li ma ġewx irreġistrati każijiet ta' trabi li baqgħu jgħixu meta l-ilma jinfaqa' qabel is-17-il ġimgħa ta' tqala, filwaqt li ħafna nisa f'dawn iċ-ċirkostanzi sofrew emorraġija jew infezzjoni.

Voice for Choice qalet ukoll li kienet "imwerwra" bil-konklużjoni tal-Qorti li Andrea Prudente ntużat minn attivisti favur l-abort biex javvanzaw aġenda legali. Skont l-għaqda, din l-osservazzjoni tnaqqas mill-awtonomija u l-kapaċità tagħha li tieħu deċiżjonijiet dwar saħħitha stess.

L-NGO qalet li s-sentenza tirrikonoxxi l-biża' li esperjenzat Prudente, iżda xorta waħda tat x'tifhem li parti minn dak it-trawma kienet ġiet ikkawżata mir-riċerka li għamlet hi stess u għax ma aċċettatx li "tistenna u tara".

Voice for Choice sostniet li t-trawma ma kinitx riżultat tal-imġiba ta' Prudente, iżda tas-sistema li, skontha, ġegħlitha tistenna sakemm il-kundizzjoni tagħha setgħet issir fatali.

L-għaqda esprimiet is-solidarjetà tagħha ma' Andrea Prudente u s-sieħeb tagħha Jay Wheeler, u qalet li se tkompli tinsisti għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort, il-protezzjoni tal-ħajja tan-nisa tqal u sistema tas-saħħa bbażata fuq ix-xjenza, il-kompassjoni u d-drittijiet tal-bniedem.

More in Kronaka