Il-General Workers' Union (GWU) qalet li ma se tittieħed l-ebda azzjoni kontra s-segretarju tat-taqsima tat-Trasport, il-Marittimu u l-Avjazzjoni tagħha wara li ntemmet l-investigazzjoni tal-Pulizija fil-konfront tiegħu.
Skont il-GWU, il-każ beda l-ġimgħa li għaddiet meta l-Kummissjoni Elettorali ressqet rapport kriminali dwar messaġġ li l-uffiċjal bagħat fid-29 ta' Mejju lill-membri tal-union impjegati ma' Resource Support & Services Ltd (RSSL), ġurnata ta' silenzju elettorali.
L-union spjegat li dak iż-żmien kienu għadhom għaddejjin in-negozjati dwar il-ftehim kollettiv mar-RSSL u li diversi membri kienu kkuntattjawha wara li rċevew komunikazzjoni mingħand il-management tal-kumpanija dwar l-istat tan-negozjati. Il-GWU sostniet li, bi tweġiba, is-segretarju ta aġġornament dwar is-sitwazzjoni u li l-komunikazzjoni kienet limitata għal kwistjonijiet ta' impjieg u relazzjonijiet industrijali, mingħajr ebda kontenut politiku.
Il-GWU qalet li wara r-rapport kriminali, is-segretarju ġie interrogat taħt twissija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali (CID). Żiedet li minnufih ħarġet stqarrija b'appoġġ għall-uffiċjal tagħha u informat formalment ukoll lill-European Trade Union Confederation (ETUC) dwar il-każ.
Skont l-union, bl-investigazzjoni issa magħluqa, l-uffiċjal m'għadux jiffaċċja theddida ta' proċeduri kriminali. Il-GWU qalet li tilqa' dan l-iżvilupp u saħqet li s-segretarju kien qed iwettaq funzjoni leġittima ta' trejdunjonista meta informa lill-membri dwar in-negozjati tal-ftehim kollettiv.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, qal li l-uffiċjal ġie "kompletament eżonerat", iżda sostna li qatt ma kellu jkun suġġett għal investigazzjoni kriminali. Huwa żied li l-GWU se tkompli tappoġġja lill-uffiċjali tagħha meta dawn jaġixxu fil-qafas tal-mandat tagħhom u tibqa' tiddefendi d-drittijiet tat-trejdjunjins.
Il-GWU fakkret ukoll li d-dritt tat-trejdjunjins li jikkomunikaw mal-membri tagħhom dwar negozjati kollettivi huwa protett minn diversi konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), ratifikati minn Malta. Sostniet ukoll li l-korpi superviżorji tal-ILO konsistentement affermaw li t-trejdjunjins għandhom ikunu ħielsa jwettqu l-funzjonijiet rappreżentattivi tagħhom mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi.
L-union qalet li se tkompli ssegwi l-każ permezz tal-ETUC u tal-Kumitat dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni tal-ILO, filwaqt li appellat lill-awtoritajiet biex jiċċaraw permezz tal-liġi jew regolamenti li r-regoli dwar is-silenzju elettorali ma japplikawx għal komunikazzjoni interna tat-trejdjunjins relatata ma' negozjati kollettivi u kwistjonijiet ta' impjieg.