‘Lingwa li ma tkunx online tirriskja li ssir inviżibbli’ – Il-missjoni wara Dizzjunarju.mt
Wara snin ta’ ppjanar u żvilupp, tnieda Dizzjunarju.mt – pjattaforma diġitali bla ħlas li għandha l-għan li ssir il-punt ta’ referenza ewlieni għal-lingwa Maltija u li tkompli tiġġedded skont kif il-lingwa tevolvi
minn Jaelle Borg
Il-Malti daħal f’fażi ġdida tal-iżvilupp tiegħu bit-tnedija ta’ Dizzjunarju.mt, pjattaforma diġitali nazzjonali li għandha l-għan li ssir il-punt ta’ referenza ewlieni għal-lingwa Maltija. Iżda wara s-sit elettroniku hemm storja li bdiet ħafna qabel ma ġie mniedi uffiċjalment il-proġett.
Il-proġett qed jitmexxa mill-edituri ġenerali Michael Spagnol u Dwayne Ellul, flimkien mal-Uffiċjal Xjentifiku Bradley Cachia, ir-riċerkaturi Daniel Attard, Jean Paul Borg, John Paul Grima u Michela Vella, filwaqt li Julian “Julinu” Mallia kien responsabbli mid-disinn tal-logo u d-direzzjoni artistika.
Kif twieldet l-idea ta’ Dizzjunarju.mt?
F’intervista ma’ dan it-tim responsabbli minn Dizzjunarju.mt ġie spjegat li l-idea ilha tinħema għal madwar ħmistax-il sena. Meta kienu jużaw dizzjunarji online ta’ lingwi barranin, kienu jistaqsu għaliex il-Malti kien għadu ma kellux riżorsa diġitali bħal din.
L-ewwel ideat, kif spjegaw huma stess, "ħarbixniehom fuq karta żgħira". Minn hemm bdew isiru diversi tentattivi biex il-proġett jieħu forma, sakemm fl-2024 id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta ddeċieda li jinvesti r-riżorsi fl-iżvilupp ta’ dizzjunarju diġitali tal-Malti. Fl-istess waqt saret kollaborazzjoni ma’ kumpanija internazzjonali biex tinħoloq l-infrastruttura teknoloġika meħtieġa.
Illum, dak il-ħsieb inizjali nbidel f’sit li diġà joffri ammont sostanzjali ta’ tagħrif u li qed ikompli jikber ftit ftit.
"Lingwa li ma tkunx online tirriskja li ssir inviżibbli"
It-tim qal li llum il-ġurnata d-dinja diġitali saret l-ispazju fejn in-nies ifittxu, jitgħallmu, jiktbu u jikkomunikaw. Għalhekk, lingwa li ma jkollhiex riżorsi diġitali ta’ kwalità tirriskja li ma tintegrax fit-teknoloġiji li nużaw ta’ kuljum.
Huwa għalhekk li qed jinbena Dizzjunarju.mt bħala riżorsa ta’ referenza awtorevoli, moderna u aċċessibbli mingħajr ħlas. Il-pjattaforma hija maħsuba biex isservi firxa wiesgħa ta’ utenti, fosthom kelliema nattivi, studenti tal-Malti bħala lsien barrani, għalliema, tradutturi, ġurnalisti, xandara u riċerkaturi.
Skont it-tim, Dizzjunarju.mt huwa "ġabra ħajja li tikber id f’id mal-lingwa", fejn il-kliem tal-bieraħ jiltaqa’ ma’ dak tal-lum waqt li jwitti t-triq għall-Malti ta’ għada.
Dizzjunarju li qatt ma jkun lest
Mistoqsija li ħafna qed jagħmlu hija meta l-proġett se jkun komplut. It-tweġiba kienet waħda ċara: dizzjunarju ta’ lingwa ħajja qatt ma jkun lest.
Il-lingwa tinbidel kontinwament. Jitwieled kliem ġdid, jinbidlu t-tifsiriet, jidħlu espressjonijiet ġodda u kliem li jkun ilu ma jintuża jista’ jerġa’ jsir popolari.
Wieħed mill-vantaġġi ta’ pjattaforma diġitali huwa li kliem ġdid jista’ jiżdied jew jiġi aġġornat minnufih, mingħajr ma wieħed jistenna edizzjoni ġdida.
Biex jispjegaw dan, it-tim qabbel id-dizzjunarju ma’ ġnien: għad hemm ħafna xi jitħawwel u xi jitkabbar, iżda diġà hemm parti li l-pubbliku jista’ juża u jgawdi. Kif qalu huma stess, dan il-"ġnien tal-kliem Malti" jikber "kelma kelma".
Kif jinbena dizzjunarju?
Għalkemm għall-utent jidher sempliċi li jfittex kelma, wara kull entrata hemm xogħol estensiv ta’ riċerka.
Kull kelma tiġi studjata u riveduta mir-riċerkaturi bl-għodod tal-lessikografija moderna. Fl-istess ħin jiġi analizzat kif il-lingwa tintuża fil-kitba u fit-taħdit biex l-informazzjoni tibqa’ preċiża u aġġornata.
Peress li d-dizzjunarju huwa diġitali, jista’ jibqa’ jiġi rfinat, u kkoreġut kontinwament. It-tim spjega li dan qed isir bis-saħħa ta’ numru ta’ gradwati tal-Malti li qed jaħdmu fuq il-proġett.
Mhux biss il-Malti standard
Aspett importanti tal-proġett huwa li se jagħti spazju wkoll lid-djaletti, il-varjanti reġjonali, il-pronunzji differenti u l-kliem użat f’lokalitajiet jew komunitajiet partikolari.
Barra minn hekk, id-dizzjunarju se jinkludi kliem qadim u ġdid, kliem formali u informali, termini tekniċi, kliem letterarju, kif ukoll kliem użat mit-tfal u ż-żgħażagħ.
L-għan, kif spjegaw, huwa li d-dizzjunarju jirrifletti r-rikkezza kollha tal-Malti — mhux biss kif "suppost" jintuża, iżda kif tassew jgħix fuq fomm in-nies.
Aktar minn sempliċi tifsira
Min juża Dizzjunarju.mt mhux se jsib biss it-tifsira ta’ kelma.
Kull entrata tinkludi l-ortografija korretta, is-sillabi, il-pronunzja permezz ta’ awdjo, it-tagħrif grammatikali, il-plural jew il-konjugazzjoni skont il-każ, it-tifsira bil-Malti, l-eqreb kelma jew frażi bl-Ingliż, eżempji ta’ użu, idjomi, l-etimoloġija u kliem relatat.
Fl-aħħar tal-intervista, it-tim appella lill-pubbliku biex juża Dizzjunarju.mt regolarment u jerġa’ jżuru. Kif qalu huma stess, dan huwa "id-dar il-ġdida għall-Malti online" u se jibqa’ jikber ftit ftit. Jekk kelma għadha ma tidhirx illum, jaf tkun diġà żdiedet meta wieħed jerġa’ jżur il-pjattaforma.
