Gozo Channel Operations Ltd ħarġet sejħa kompetittiva għall-offerti għall-kiri ta’ r-raba’ vapur li se jopera fuq ir-rotta bejn Malta u Għawdex, f’mossa li għandha twassal għas-sostituzzjoni tal-vapur Nikolaos u tkompli ssaħħaħ is-servizz bejn iż-żewġ gżejjer.
It-tħabbira saret permezz tal-Ministeru għal Għawdex, li spjega li l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tissaħħaħ il-flotta eżistenti u jitjiebu r-reżiljenza, l-affidabbiltà u l-frekwenza tas-servizz bejn iċ-Ċirkewwa u l-Port tal-Imġarr.
Il-kuntratt propost se jkun għal perjodu inizjali ta’ sentejn u huwa mfassal biex jattira numru akbar ta’ operaturi interessati. L-offerti mhux se jiġu evalwati biss fuq il-prezz, iżda wkoll fuq il-kwalità tas-servizz offrut, sabiex jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn iż-żewġ aspetti.
Skont il-kumpanija, il-vapur il-ġdid huwa maħsub biex ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber ta’ passiġġieri u vetturi li jużaw din ir-rotta kuljum, filwaqt li jiżgura li s-servizz jibqa’ jingħata b’mod kontinwu u effiċjenti.
Bħalissa, il-flotta tal-Gozo Channel hija magħmula mill-vapuri Ta’ Pinu, Gaudos u Nikolaos, li joperaw bejn Malta u Għawdex.
Gozo Channel Operations Ltd qalet li din il-miżura tifforma parti minn strateġija usa’ biex tissaħħaħ il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, li ddeskriviet bħala element essenzjali għall-ekonomija, il-mobilità u l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex sostna li dan l-investiment jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex ikompli jtejjeb il-konnessjonijiet marittimi bejn Malta u Għawdex, filwaqt li jiżgura standards ogħla ta’ servizz u kapaċità akbar biex is-servizz jibqa’ jopera b’mod affidabbli anke f’ċirkostanzi differenti.