Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett jinsab f'tensjoni mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) dwar min għandu jinħatar bħala Kap Eżekuttiv ġdid ta' Transport Malta, skont sorsi qrib il-każ li tkelmu mal-gazzetta oħt, MaltaToday.
Il-kunflitt allegat beda wara nuqqas ta' qbil bejn Bonett u l-Kap Eżekuttiv attwali ta' Transport Malta, Kurt Farrugia. Is-sorsi sostnew li d-diżgwid kien marbut ma' tħassib dwar l-attitudni u l-istil maniġerjali tal-ministru.
Skont l-istess sorsi, Bonett qed jimbotta biex it-tmexxija tal-awtorità tingħata liċ-chief of staff tiegħu, Stephanie Bonello. Min-naħa l-oħra, l-OPM qed jappoġġja lill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, biex jieħu f'idejh it-tmexxija ta' Transport Malta.
McKay mexxa diversi entitajiet tal-Gvern qabel inħatar Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista fl-2024, fosthom Jobsplus u l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis.
Is-sorsi qalu li Bonett jixtieq li Bonello tmexxi Transport Malta sabiex ikollu kontroll aktar dirett fuq l-awtorità, b'mod partikolari wara li tilef ir-responsabbiltà tal-infrastruttura mill-portafoll ministerjali tiegħu wara l-aħħar elezzjoni.
L-istess sorsi ddeskrivew is-sitwazzjoni bħala waħda diffiċli għall-ministru, u sostnew li anke jekk jirnexxilu jdaħħal lill-kap tal-istaff tiegħu fit-tmexxija ta' Transport Malta, il-fiduċja fih fi ħdan il-Gvern tkun diġà ġarrbet ħsara.
Barra minn hekk, is-sorsi allegaw li s-segretarjat ta' Bonett qed jesperjenza tluq ta' persunal, filwaqt li r-relazzjonijiet bejn il-ministru u membri oħra ta' Transport Malta allegatament iddeterjoraw.
Aktar kmieni din il-ġimgħa kien irrapportat li Kurt Farrugia mistenni jieħu f'idejh Residency Malta, fejn se jissostitwixxi lil Jonathan Cardona, li miet aktar kmieni dan ix-xahar.
Farrugia ilu jmexxi Transport Malta minn Jannar tal-2024. Qabel kien kap tal-komunikazzjoni tal-Gvern u kelliem tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll wieħed mill-uċuħ ewlenin tal-kampanji elettorali tal-Partit Laburista.
Jekk il-ħatra tiġi kkonfermata, Farrugia se jmexxi Residency Malta, l-aġenzija responsabbli mill-programm ta' residenza b'investiment.