Bonnici: Ir-residenti ta' Nigret mhumiex kontra l-iżvilupp, iżda jridu li jirrispetta l-karattru taż-żona

Il-Ministru għall-Artijiet Owen Bonnici qal li r-residenti ta' Nigret mhumiex kontra l-iżvilupp innifsu, iżda qed jitolbu li kull proġett jirrispetta l-karattru taż-żona. Huwa tenna li l-Gvern se jżomm il-wegħda tiegħu li ma jippermettix żvilupp fuq art pubblika fin-Nigret, filwaqt li saħaq li d-drittijiet tas-sidien ta' art privata għandhom ukoll jiġu rispettati

Il-Ministru għall-Artijiet Owen Bonnici sostna li r-residenti li qed jopponu l-iżvilupp fin-Nigret, iż-Żurrieq, mhumiex kontra kull forma ta' żvilupp, iżda qed jitolbu li kull proġett jirrispetta l-karattru u l-ambjent taż-żona.

Meta kien qed jindirizza l-kontroversja li ilha għaddejja dwar Nigret, Bonnici qal li fil-laqgħat li kellu mar-residenti qatt ma sema' talba biex ma jsir ebda żvilupp, iżda pjuttost li kull żvilupp ikun kompatibbli mal-madwar.

"Meta ltqajt mar-residenti ma qalulix li huma kontra l-iżvilupp, iżda kontra żvilupp li ma jirrispettax iż-żoni tal-madwar," qal il-Ministru.

Il-kummenti tiegħu saru wara mistoqsijiet dwar il-futur ta' art tal-Gvern fin-Nigret, fejn bejn April u Mejju tressqu ħames applikazzjonijiet għall-iżvilupp fuq sit li ilu s-snin fiċ-ċentru ta' dibattitu bejn residenti, attivisti u żviluppaturi.

Il-grupp Residenti taż-Żurrieq reċentement appella lill-Gvern biex iżomm il-wegħda elettorali tiegħu u jipproteġi ż-żona mill-iżvilupp, filwaqt li sostna li r-residenti ilhom jgħixu f'inċertezza minkejja l-impenn li kien ingħata waqt il-kampanja elettorali.

Bonnici tenna li l-Gvern se jżomm il-kelma tiegħu u mhux se jippermetti żvilupp fuq art pubblika li kienet ġiet inkluża fl-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni tal-2006.

"Hemm impenn ċar li spazji miftuħa u żviluppabbli li daħlu fir-razzjonalizzazzjoni ma jiġux żviluppati. Din l-art taqa' taħt dawn il-parametri u se nżommu kelmitna," qal il-Ministru.

Madankollu, enfasizza li trid issir distinzjoni bejn art pubblika u art privata. Skont Bonnici, il-Gvern ma jistax iwaqqaf lis-sidien privati milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fejn il-liġi tippermettilhom jiżviluppaw.

Dwar il-kwistjoni tat-toroq ta' aċċess, li skont l-oġġezzjonanti jistgħu jkunu kruċjali biex l-iżvilupp iseħħ jew le, Bonnici qal li kull każ għandu jiġi evalwat separatament. Huwa spjega li hemm sitwazzjonijiet fejn it-triq tkun fuq art pubblika, oħrajn fuq art privata, jew inkella maqsuma bejn it-tnejn.

Il-Ministru qal li ma jaqbilx li t-toroq jintużaw bħala mezz biex jiġi mwaqqaf l-iżvilupp fuq art privata.

"Ma naħsibx li anke l-oġġezzjonanti jridu li sidien privati ma jitħallewx jiżviluppaw l-art tagħhom. Li nużaw it-toroq bħala arma biex niskoraġġixxu l-iżvilupp ma naqbilx miegħu," sostna.

Intant, qed tkompli tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern biex jiċċara kif se jwettaq il-wegħdiet tiegħu dwar Nigret. Residenti taż-Żurrieq qed jitolbu li tingħata direzzjoni ċara fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura, filwaqt li jinsistu li l-komunità ilha snin tgħix b'inċertezza dwar il-futur taż-żona.

More in Kronaka