Kamra tal-Avukati; apparat ta’ sorveljanza f’aktar minn kamra waħda użati minn priġunieri ‘high-risk’
Peter Fenech qal li l-Kamra għandha informazzjoni u xhieda bil-ġurament li tindika li aktar minn kamra waħda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet mgħammra b’apparat ta’ monitoraġġ, filwaqt li qed tinsisti għal inkjesta interna
minn Jaelle Borg
Il-Kamra tal-Avukati insistiet li għandha fil-pussess tagħha żewġ xhieda mogħtija bil-ġurament li tindika li għal perjodu ta’ żmien kien hemm apparat ta’ sorveljanza installat f’aktar minn kamra waħda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn isiru laqgħat bejn priġunieri u l-avukati tagħhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn, il-President tal-Kamra tal-Avukati Peter Fenech qal li l-pożizzjoni tal-Kamra mhijiex ibbażata fuq spekulazzjoni iżda fuq informazzjoni u xhieda li waslu għandha matul l-aħħar ġimgħat.
Fenech beda billi rringrazzja lill-avukati li osservaw id-direttiva maħruġa mill-Kamra, li wasslet biex il-maġġoranza tal-avukati ma attendewx seduti mhux urġenti fil-qrati. Huwa rringrazzja wkoll lill-ġudikanti, lill-Kamra tal-Avukati t’Għawdex u lill-prokuraturi legali li segwew id-direttiva.
"Bħalma rajtu fuq il-midja soċjali fl-aħħar jiem kien hemm ħafna kummenti u spekulazzjonijiet. Irridu nagħmluha ċara li din hija direttiva politika ta’ professjoni” qal Fenech.
Huwa spjega li l-iskop tal-azzjoni meħuda mill-Kamra ma kienx li tipproteġi lill-avukati iżda lill-klijenti tagħhom.
"Il-proċess ġudizzjarju huwa mibni fuq il-fiduċja. Persuna investigata jew akkużata trid tkun tista’ titkellem mal-avukat tagħha b’mod liberu u kunfidenzjali sabiex tinbena strateġija legali mingħajr il-biża’ li xi ħadd qed jisma’ jew jirrekordja dak li jkun qed jingħad," sostna.
Skont Fenech, l-ewwel informazzjoni waslet għand il-Kamra fil-bidu ta’ Ġunju, propju fit-8 ta’ Ġunju mingħand membri tagħha. Dik l-informazzjoni kienet tindika li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien hemm elementi ta’ sorveljanza f’żoni fejn jiltaqgħu l-priġunieri mal-avukati tagħhom.
Il-President tal-Kamra qal li hua ma għaġġlux biex joħorġuha fil-pubbliku.
"Il-Kamra ma marritx għand il-media, ma ppreżentatx protest u ma ħarġetx b’dawn l-allegazzjonijiet immedjatament. Għaddew ġimgħatejn ta’ xogħol wara l-kwinti fejn assolutament xejn ma ħareġ fil-pubbliku," qal.
F’dak il-perjodu, il-Kamra bdiet tivverifika l-informazzjoni li kienet waslet għandha. Fenech qal li wara investigazzjonijiet interni ntbagħtet ittra lill-Ministeru għall-Ġustizzja u lill-Ministeru għall-Intern fejn intalbu diversi kjarifiki.
Fost oħrajn, il-Kamra staqsiet jekk kienx għadu jeżisti apparat ta’ sorveljanza fil-faċilità, jekk dan kienx ġie estiż għal kmamar oħra, x’miżuri kienu ttieħdu biex jiġi protett il-privileġġ bejn avukat u klijent u jekk il-Gvern kienx lest jordna inkjesta indipendenti.
Madankollu, waqt li kienet qed tistenna tweġiba, il-Kamra rċeviet aktar informazzjoni.
"Waslet informazzjoni oħra li kienet tikkonferma li kien hemm apparat installat. Din kienet informazzjoni li nkwetatna ħafna," qal Fenech.
Fenech qal li t-tħassib tal-Kamra kompla jikber meta l-informazzjoni li waslet għandha allegatament indikat li mhux biss kien hemm apparat ta’ sorveljanza f’aktar minn kamra waħda, iżda li wħud minn dawn il-kmamar kienu jintużaw minn priġunieri kklassifikati bħala “high-risk” waqt laqgħat mal-avukati tagħhom.
Huwa sostna li l-Kamra llum għandha xhieda mogħtija bil-ġurament li tappoġġja dawn l-allegazzjonijiet.
"Meta xi ħadd jgħid li qed nitkellmu fuq informazzjoni falza jew qarrieqa, jien ngħid li xhieda mogħtija bil-ġurament mhijiex informazzjoni falza. Mill-evidenza li għandna jirriżulta li l-informazzjoni inizjali kienet saħansitra mhux kompluta. Fil-bidu konna qed nifhmu li kienet kamra waħda; illum nafu li kien hemm żewġ jew tliet kmamar fejn kien hemm apparat ta’ sorveljanza."
Fenech sostna li l-Kamra ma għandhiex evidenza li l-konverżazzjonijiet bejn avukati u klijenti kienu effettivament qed jiġu rrekordjati waqt il-laqgħat.
Mill-informazzjoni li waslet għandha, qal, jidher li meta jidħlu l-avukati fil-kmamar l-apparat kien jintefa.
Iżda huwa insista li dan ma jsolvix il-problema.
"Il-kwistjoni mhijiex jekk xi ħadd semax jew le. Il-kwistjoni hija jekk persuna tistax tkun ċerta li mhux qed tinstema’. Jekk hemm apparat ta’ sorveljanza f’dawn il-kmamar, il-prinċipju nnifsu jkun ġie kompromess."
Fenech qal li l-Kamra qatt ma kienet se taċċetta sitwazzjoni fejn komunikazzjoni bejn avukat u klijent tkun tista’ tkun monitorjata.
"Anke jekk ikun hemm suspett dwar persuna jew każ partikolari, għalina huwa inaċċettabbli li jkollok sistema li tista’ tinterċetta konverżazzjonijiet privileġġati."
Dwar il-korrispondenza mal-awtoritajiet, Fenech qal li l-ewwel tweġiba li waslet mingħand l-Avukat tal-Istat f’isem il-Gvern ma indirizzatx il-mistoqsijiet li kienet għamlet il-Kamra.
Minħabba dan, fil-11 ta’ Ġunju ntbagħtet ittra oħra fejn il-Kamra talbet konferma bil-miktub li ma kien hemm ebda apparat ta’ sorveljanza operattiv fil-faċilità u li l-laqgħat bejn avukati u klijenti kienu qed isiru mingħajr monitoraġġ.
Il-Kamra talbet ukoll li ssir inkjesta indipendenti.
Skont Fenech, fl-14 ta’ Ġunju waslet risposta oħra mingħand l-Avukat tal-Istat fejn il-Gvern sostna li l-liġi dejjem ġiet osservata u li l-allegazzjonijiet kienu spekulattivi.
Madankollu, il-Kamra qalet li għal darb’oħra ma ngħatawx tweġibiet diretti għall-mistoqsijiet li kienet għamlet.
Dan wassal biex il-Kamra tippreżenta protest ġudizzjarju u sussegwentement tlaqqa’ lill-membri tagħha sabiex tiddeċiedi dwar il-passi li kellhom jittieħdu.
Fenech qal li waqt il-laqgħa mal-avukati ġew diskussi l-fatti li kienet ġabret il-Kamra u hemmhekk ittieħdet id-deċiżjoni li tiġi osservata direttiva ta’ strajk ta’ ġurnata.
Minkejja dan, huwa qal li l-Kamra rat progress fid-diskussjonijiet mal-Gvern.
Huwa semma laqgħa li saret mal-Ministru għall-Ġustizzja Clifton Grima nhar il-Ġimgħa li għadda, li ddeskriviha bħala pożittiva.
"Din kienet laqgħa tajba u ta’ progress fejn beda jiġi indirizzat parti mit-tħassib tagħna, iżda għadna ma wasalniex fejn irridu naslu."
Fenech qal li l-Kamra qed tkompli tinsisti fuq inkjesta indipendenti li fiha jkollha fiduċja wkoll il-professjoni legali.
Huwa għamel ukoll referenza għall-inkjesta interna li ordna l-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield dwar il-każ ta’ Adrian Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, wara allegazzjonijiet li kellu aċċess għall-internet minn ġewwa l-ħabs.
"Jekk fuq allegazzjonijiet dwar priġunier wieħed infetħet inkjesta, aħna rridu l-istess serħan il-moħħ dwar id-drittijiet tal-priġunieri kollha," qal.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Kamra tal-Avukati Stefan Camilleri qal li l-Kamra ma tieħux deċiżjonijiet ta’ din in-natura b’mod ħafif.
"Ma ħriġniex direttiva b’mod impulsiv. Ħassejna li kien hemm bżonn nagħmlu dan għax nemmnu li kull persuna għandha d-dritt li titkellem mal-avukat tagħha b’mod privat u mingħajr biża’ li tkun qed tinstema’."
Camilleri ċaħad ukoll is-suġġeriment li l-Kamra kellha tistenna aktar qabel tieħu azzjoni minħabba l-bidliet fil-Gvern wara l-elezzjoni.
"It-tħassib kien serju wisq biex jitħalla fuq l-ixkaffa. Ovvjament kont nippreferi li l-ewwel ittra lill-ministri l-ġodda tkun waħda ta’ awguri, iżda l-gravità tas-sitwazzjoni ma ppermettietx li nistennew."
Mistoqsija dwar x’passi se jittieħdu jekk il-Gvern ma jaċċettax it-talba għal inkjesta indipendenti, il-Kamra qalet li f’dak każ, il-pass li jmiss ikun li jkun hemm talinqas diskussjoni, filwaqt li sostniet li kwalunkwe deċiżjoni oħra tittieħed fi stadju aktar tard.
Mistoqsija oħra minn din il-gazzetta kienet dwar jekk il-Kamra kinitx qed tissuġġerixxi li setgħu kien hemm priġunieri li nstabu ħatja jew ikkundannati abbażi ta’ informazzjoni miksuba minn dawn is-sistemi ta’ monitoraġġ ma ġietx imwieġba direttament.
Fenech u Camilleri qalu li l-Kamra ma tistax tibni argumenti fuq spekulazzjoni u li għalhekk qed tinsisti fuq inkjesta indipendenti li tista’ tistabbilixxi eżattament x’ġara, għal kemm żmien kien hemm apparat installat u jekk kienx hemm xi impatt fuq każijiet kriminali.
