Kwalità tal-ħajja, edukazzjoni u ġustizzja fost il-prijoritajiet tal-MPs eletti permezz tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru

Minn saħħa mentali u arti sa governanza, benesseri u ġustizzja, il-membri parlamentari li daħlu fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru qalu li l-politika trid tibqa’ ffukata fuq il-ħtiġijiet tan-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom

It-12-il mara li daħlu fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru se jkunu qed iġibu magħhom prijoritajiet differenti, li jvarjaw minn saħħa mentali u edukazzjoni sa ġustizzja, governanza u kwalità tal-ħajja. 

Wara li ġew ikkonfermati fil-Parlament, din il-gazzetta staqsiet lill-membri parlamentari eletti permezz tal-mekkaniżmu żewġ mistoqsijiet: x’se jkunu l-prijoritajiet tagħhom bħala deputati u x’għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin tal-Gvern fil-leġiżlatura li għadha kif bdiet. 

It-12-il deputata eletti permezz tal-mekkaniżmu huma Cressida Galea, Fleur Abela, Francesca Zarb, Yana Borg Debono Grech, Deborah Schembri u Romilda Zarb f’isem il-Partit Laburista, kif ukoll Bernice Bonello, Julie Zahra, Norma Camilleri, Annabelle Cilia, Marilena Gauci u Miriana Calleja Testaferrata De Noto f’isem il-Partit Nazzjonalista. 

Minn dawk li wieġbu, ħarġu diversi temi komuni, fosthom il-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-benesseri mentali u l-ħtieġa li l-politika tibqa’ qrib in-nies. 

Bernice Bonello qalet li l-prijorità ewlenija tagħha hija t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies. Hija semmiet l-isfidi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ, l-għoli tal-ħajja, l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi, partikolarment fis-saħħa u fl-edukazzjoni. 

Bonello sostniet ukoll li huwa essenzjali li l-pajjiż ikompli jinvesti fi ppjanar sostenibbli, fil-protezzjoni tal-ambjent u f’infrastruttura li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini mingħajr ma tikkomprometti l-ġenerazzjonijiet futuri. Hija semmiet ukoll il-governanza tajba, it-trasparenza u r-responsabbiltà bħala elementi essenzjali biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi. 

Fir-rigward tal-irwol tal-Oppożizzjoni, Bonello qalet li dan għandu jibqa’ wieħed kostruttiv u responsabbli, li mhux biss jiskrutinizza lill-Gvern iżda wkoll jippreżenta alternattivi kredibbli fuq temi bħall-għoli tal-ħajja, l-ambjent, il-governanza, l-ekonomija sostenibbli u l-benesseri soċjali. 

Julie Zahra qalet li se tkompli taħdem biex il-politika tagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Hija qalet li l-edukazzjoni hija l-bażi ta’ soċjetà sana u għalhekk għandha tingħata prijorità flimkien mas-saħħa. 

Zahra qalet ukoll li Malta għandha tħares lejn ekonomija aktar sostenibbli li tiffoka fuq il-kwalità aktar milli biss fuq it-tkabbir fin-numri, sabiex jinħolqu opportunitajiet aktar ġusti għal kulħadd. Hija enfasizzat ukoll l-importanza tal-governanza u t-trasparenza biex tissaħħaħ il-fiduċja fil-politika. 

Minħabba l-esperjenza tagħha bħala Shadow Minister għall-Arti u l-Ekonomija Kreattiva, Zahra qalet li l-arti u l-kultura għandhom jingħataw rwol aktar ċentrali fil-politika nazzjonali. Skontha, dawn mhumiex biss espressjoni tal-identità tagħna iżda wkoll mezz biex tinbena soċjetà aktar kreattiva u inklużiva. 

Minn-naħa tagħha, Norma Camilleri qalet li l-prijoritajiet tagħha jibqgħu dawk li kienet identifikat matul il-kampanja elettorali, jiġifieri s-saħħa mentali, in-nisa u Għawdex. Hija spjegat li meta wieħed jitkellem dwar is-saħħa mentali jkun inevitabbilment qed jindirizza firxa wiesgħa ta’ oqsma oħra, fosthom is-saħħa fiżika, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Camilleri sostniet ukoll li għad hemm ħafna xogħol xi jsir favur in-nisa, partikolarment fejn jidħlu opportunitajiet f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-rwol tagħhom fis-soċjetà u s-saħħa tan-nisa. Hija qalet ukoll li, bħala Għawdxija, Għawdex jibqa’ prijorità ewlenija għaliha, filwaqt li esprimiet il-preparament tagħha li taħdem fi kwalunkwe qasam li jiġi assenjat lilha mill-Kap tal-Partit. Dwar ir-rwol tal-Oppożizzjoni, Camilleri qalet li huwa importanti li jkomplu jissaħħu l-istrutturi tal-partit u tal-grupp parlamentari sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom b’mod effettiv, iżommu lill-Gvern responsabbli għall-wegħdi tiegħu u jkomplu jaħdmu favur governanza tajba u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu. 

Miriana Calleja Testaferrata De Noto qalet li l-prijoritajiet tagħha jibqgħu ż-żgħażagħ, is-saħħa mentali u l-ambjent. Hija sostniet li l-Oppożizzjoni għandha tibqa’ tressaq soluzzjonijiet konkreti filwaqt li tkun vuċi għal dawk li jħossuhom mhux mismugħa biżżejjed. 

Min-naħa tal-Partit Laburista, Romilda Zarb qalet li l-prijorità tagħha bħala Membru Parlamentari hija li tara li l-politika tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Hija semmiet il-Wellbeing Index bħala wieħed mill-għodod ewlenin li bih il-progress tal-pajjiż għandu jitkejjel, mhux biss permezz ta’ ċifri ekonomiċi, iżda wkoll skont l-impatt fuq il-ħajja taċ-ċittadini. 

Zarb qalet li temmen f’politika li tagħti lin-nies l-għodod u l-opportunitajiet biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Hija semmiet l-edukazzjoni, il-ħiliet, is-saħħa mentali, il-familji u komunitajiet aktar b’saħħithom bħala oqsma li għandhom jibqgħu jingħataw prijorità. 

Dwar il-prijoritajiet tal-Gvern, hija qalet li dan għandu jkompli jiffoka fuq tkabbir ekonomiku li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar u li jqassam il-ġid b’mod ġust. Hija sostniet ukoll li l-investiment fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent għandu jibqa’ fil-qalba tal-ħidma tal-Gvern. 

Francesca Zarb, li qed tagħmel l-ewwel passi tagħha fil-Parlament, qalet li l-qasam li l-aktar jinteressaha huwa dak tal-ġustizzja. Hija sostniet li l-Parlament għandu jfassal liġijiet ġusti li aktar tard ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv fil-qrati. 

Madankollu, hija qalet li l-prijorità personali tagħha hija li tibqa’ qrib in-nies fid-distrett tagħha. Francesca Zarb qalet li waqt il-kampanja elettorali ltaqgħet ma’ diversi persuni li qalulha li jittamaw li jibqgħu jarawha anke wara l-elezzjoni, u sostniet li dan huwa impenn li trid iżżomm. 

Dwar il-prijoritajiet tal-Gvern, hija qalet li l-fatt li l-Parlament reġa’ fetaħ f’perjodu daqshekk qasir wara l-elezzjoni huwa sinjal ċar li hemm rieda li l-manifest elettorali jibda jitwettaq immedjatament. Hija semmiet fost l-oħrajn ir-riforma tal-IVF u l-Wellbeing Index bħala inizjattivi importanti, filwaqt li sostniet li l-proposti tal-manifest għandhom jibdew jiġu implimentati fl-iqsar żmien possibbli. 

Minkejja l-prijoritajiet differenti, ir-risposti juru kunsens ċar dwar diversi temi ewlenin. Kemm id-deputati tal-Gvern kif ukoll dawk tal-Oppożizzjoni enfasizzaw il-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-ħajja, li jissaħħu l-edukazzjoni u s-saħħa, li tingħata aktar attenzjoni lill-benesseri tan-nies u li l-politika tibqa’ qrib il-komunitajiet li tirrappreżenta. 

 

More in Kronaka