Alex Agius Saliba jimbotta biex il-festi Maltin ikunu eliġibbli għal fondi Ewropej

L-MEP Laburista ppropona emendi biex il-wirt kulturali intanġibbli, inklużi l-festi organizzati minn għaqdiet volontarji, ikun jista’ jibbenefika minn finanzjament tal-UE

L-MEP Laburista Alex Agius Saliba qed jinsisti biex il-festi Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej, wara li ressaq numru ta’ emendi għal programm ġdid tal-Unjoni Ewropea li għandu jappoġġja l-kultura, il-media u s-soċjetà ċivili.

Il-proposti tiegħu jiffurmaw parti mill-programm AgoraEU, li qed jiġi kkunsidrat mill-istituzzjonijiet Ewropej bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jkopri l-perjodu bejn l-2028 u l-2034.

Agius Saliba qal li attivitajiet kulturali bħall-festi Maltin huma parti essenzjali mill-identità u l-ħajja soċjali tal-komunitajiet lokali u għalhekk għandhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ.

Huwa sostna li taħt l-iskemi attwali, ħafna organizzazzjonijiet volontarji jsibu diffikultajiet biex jaċċessaw fondi Ewropej, u argumenta li wasal iż-żmien li jinħolqu opportunitajiet ġodda għal dawk li jorganizzaw festivals u avvenimenti kulturali.

Il-programm AgoraEU għandu jgħaqqad diversi inizjattivi Ewropej eżistenti, fosthom Creative Europe, flimkien ma’ skemi oħra relatati mal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, il-libertà tal-media u l-kollaborazzjoni kulturali bejn il-pajjiżi membri.

Bħala membru tal-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili (LIBE), Agius Saliba ressaq emendi li jagħtu prijorità lill-festivals kulturali bħala parti mill-wirt intanġibbli tal-Istati Membri, b’enfasi partikolari fuq il-kultura ta’ reġjuni periferiċi u gżejjer bħalma hi Malta.

L-emendi jipproponu wkoll li l-programm jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-għaqdiet volontarji li jorganizzaw dawn l-attivitajiet kulturali u jagħtihom aċċess aktar faċli għall-finanzjament Ewropew.

“B’dawn il-bidliet nistgħu niżguraw li l-kultura Maltija u l-festi tagħna jingħataw l-appoġġ li jistħoqqilhom,” qal Agius Saliba.

Huwa żied li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tiċċelebra u tħares id-diversità kulturali tagħha, speċjalment meta tkun qed tiddeċiedi kif jitqassam il-baġit kulturali Ewropew.

Skont l-MEP, reġjuni remoti u gżejjer bħal Malta għandhom patrimonju kulturali għani li għandu jkun apprezzat u sostnut fil-livell Ewropew.

More in Kronaka