“Ibnu l-pajjiż fuq il-blat u mhux fuq ir-ramel” – l-Isqof Galea-Curmi lill-Parlament il-ġdid

Waqt il-quddiesa tal-ftuħ tal-15-il leġiżlatura, l-Isqof Awżiljarju appella għal tmexxija msejsa fuq l-integrità, il-ġustizzja u l-ġid komuni

ritratt:Curia
ritratt:Curia

“Ibnu l-pajjiż b’għaqal, fuq il-blat u mhux fuq ir-ramel.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi lill-membri tal-15-il leġiżlatura waqt il-quddiesa li mmarkat il-ftuħ uffiċjali tal-Parlament il-ġdid.

Fl-omelija tiegħu, Galea-Curmi enfasizza li kull forma ta’ awtorità umana tibqa’ limitata jekk ma tkunx imdawla mill-għerf, il-verità u impenn sinċier lejn il-ġid komuni.

Huwa qal li l-integrità tfisser li jkun hemm qbil bejn dak li wieħed jgħid u dak li jagħmel, filwaqt li sejjaħ għall-kuraġġ biex jittieħdu deċiżjonijiet korretti anke meta dawn ma jkunux popolari.

“Pajjiż ikun aktar b’saħħtu meta jkun immexxi minn persuni ta’ karattru li jħallu l-prinċipji jiggwidawhom aktar mill-konvenjenza personali,” sostna.

L-Isqof talab biex il-ħidma politika tkun immexxija mill-onestà, ir-responsabbiltà u t-trasparenza, filwaqt li wissa li l-ħajja pubblika ma tistax tiffjorixxi fejn ikun hemm qerq jew fejn l-interessi personali jiġu qabel il-ġid komuni.

Huwa tkellem ukoll dwar il-ġustizzja, li qal ma tirreferix biss għall-infurzar tal-liġijiet iżda wkoll għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ kull persuna. Soċjetà ġusta, qal, hija waħda li tipproteġi lill-ħaddiema, tappoġġja lill-familji, tagħti każ ta’ min qed ibati u tiżgura li l-progress ekonomiku jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

Galea-Curmi appella wkoll għall-għaqda mibnija fuq djalogu paċenzjuż u rispett reċiproku, filwaqt li ħeġġeġ lill-politiċi jevitaw kull forma ta’ vjolenza verbali.

Dwar l-ambjent, huwa qal li Malta għandha d-dmir morali li tħares il-ħolqien, filwaqt li wissa kontra l-mentalità li tpoġġi l-profitt immedjat qabel il-protezzjoni tal-ambjent taħt il-pretest tal-iżvilupp.

L-Isqof enfasizza wkoll il-protezzjoni tal-ħajja umana bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tas-soċjetà. Huwa rrefera għal diskors li l-Papa Ljun XIV għamel quddiem il-Parlament Spanjol aktar kmieni dan ix-xahar, fejn sostna li kull ħajja umana għandha tkun rispettata u protetta mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.

Skont Galea-Curmi, il-valur u d-dinjità tal-bniedem ma jistgħux jiddependu fuq l-opinjoni pubblika jew fuq il-kundizzjoni ta’ persuna, iżda huma inerenti għal kull individwu.

Fi tmiem il-quddiesa, l-Isqof talab biex il-membri tal-Parlament il-ġdid ikunu mmexxija mill-għerf u l-kuraġġ, sabiex il-verità tirbaħ fuq il-falsità, l-integrità fuq il-korruzzjoni u d-djalogu fuq il-firdiet.

More in Kronaka