Residenti fil-Gżira qed jesprimu tħassib wara li parti minn ħajt ta’ proprjetà privata ġarrbet ħsarat waqt xogħlijiet ta’ demolizzjoni u skavar li qed isiru qrib il-front tal-baħar.
L-inċident seħħ nhar l-Erbgħa filgħodu fi Triq Sir Frederick C. Ponsonby, fejn bħalissa għaddejjin xogħlijiet relatati ma’ applikazzjoni għall-iżvilupp approvata fl-2019.
L-applikazzjoni, imressqa minn FES Projects Ltd, tipprevedi t-twaqqigħ ta’ residenzi eżistenti biex isir stabbiliment tal-ikel takeaway, estensjoni ta’ akkomodazzjoni turistika b’tliet sulari addizzjonali u pixxina. Ix-xogħlijiet qed jitwettqu minn RM Developers.
Resident li tkellem mal-gazzetta oħt, MaltaToday qal li l-kuntratturi ngħataw permess speċjali biex ikomplu bix-xogħlijiet minkejja li jinsabu f’żona turistika matul l-istaġun tas-sajf.
Huwa sostna li ommu rat il-ħajt tal-ġnien jibda jinqasam waqt li kienet qed tħares barra mit-tieqa, u qal li l-inċident ħalliha mbeżżgħa f’darha stess.
Ritratti pprovduti lill-midja juru xquq fil-ħajt tal-proprjetà. Għalkemm ix-xogħlijiet twaqqfu għal perjodu qasir ta’ inqas minn siegħa, dawn reġgħu bdew wara.
F’email indirizzata lill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), ir-resident talab intervent immedjat u esprima tħassib dwar il-konsegwenzi possibbli tal-ħsara.
Huwa wissa li x-xquq setgħu ħolqu passaġġi għal infiltrazzjoni ta’ ilma, inkluż ilma baħar, li potenzjalment jista’ jaffettwa l-integrità strutturali tal-proprjetajiet fil-viċin.
Bi tweġiba, il-BCA bagħtet messaġġ awtomatiku li jikkonferma li l-ilment ġie mgħoddi lill-uffiċjali tal-infurzar u talbet li tintbagħat dokumentazzjoni jew evidenza addizzjonali permezz tal-email sabiex tkun tista’ ssir investigazzjoni ulterjuri.