Repubblika takkuża lill-media Laburista b’kampanja ta’ intimidazzjoni kontra attivisti u għaqdiet

L-għaqda sostniet li wara l-elezzjoni ġenerali żdiedu l-attakki mmirati lejn vuċijiet kritiċi tal-gvern permezz tal-midja u l-midja soċjali

L-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika akkużat lill-media tal-Partit Laburista u gruppi online qrib il-partit li qed imexxu kampanja kontinwa ta’ intimidazzjoni kontra attivisti, għaqdiet mhux governattivi u persuni li jesprimu fehmiet kritiċi lejn il-gvern.

Fi stqarrija, Repubblika qalet li dan mhux l-ewwel episodju ta’ dan it-tip, iżda sostniet li din id-darba hemm differenza importanti. Skontha, l-għan tal-kampanja mhux biss li jiġu kkontestati jew ikkritikati opinjonijiet differenti, iżda li individwi jiġu ridikolizzati, umiljati u ppreżentati bħala għedewwa tal-pajjiż.

L-għaqda saħqet li f’demokrazija l-leġittimità ta’ vuċi ma tiddependix minn kemm għandha appoġġ warajha u li rebħa elettorali ma tagħti lil ħadd id-dritt li jsikket lill-kritiċi tiegħu.

Repubblika allegat li gruppi leali lejn il-Partit Laburista kienu qed jużaw immaġini ġġenerati bl-intelliġenza artifiċjali biex jattakkaw u jiddisprezzaw persuni bħal Robert Aquilina, Jason Azzopardi, Vicki Ann Cremona, Manuel Delia, Ranier Fsadni u Kevin Cassar.

Skont l-għaqda, dawn l-immaġini u kampanji koordinati fuq il-midja soċjali kienu jinkludu wkoll attribuzzjonijiet foloz u rappreżentazzjonijiet qarrieqa li jsaħħu sentimenti ta’ mibegħda lejn dawk fil-mira.

Repubblika osservat li ħafna mill-persuni li qed jiġu attakkati huma l-istess individwi u organizzazzjonijiet li ilhom jinsistu biex toħroġ il-verità kollha dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u biex tinġarr ir-responsabbiltà minn dawk involuti.

L-għaqda fakkret ukoll kif Caruana Galizia kienet ġiet suġġetta għal kampanji ta’ diskreditu u ridikolu qabel il-qtil tagħha, u sostniet li metodi simili qed jintużaw illum kontra persuni oħra.

Repubblika qalet li matul is-snin tgħallmet li l-intimidazzjoni ma rnexxilhiex twaqqaf il-ħidma tagħha u sostniet li, minkejja diversi tentattivi biex tiġi emarġinata jew diskreditata, kompliet tikber u ssaħħaħ il-vuċi tagħha.

L-għaqda argumentat li meta partit politiku jkun b’saħħtu għandu responsabbiltà akbar li juża l-poter tiegħu b’kawtela u b’rispett lejn il-pluraliżmu tal-opinjonijiet. Hija żiedet li gvern li jemmen fih innifsu ma jibżax mill-kritika u ma jippruvax isikket lil min jistaqsi mistoqsijiet.

Repubblika qalet ukoll li dawn l-iżviluppi qed iseħħu fl-istess żmien li fih il-gvern qed jaħdem fuq leġiżlazzjoni ġdida dwar l-għaqdiet volontarji. Skontha, it-talba biex il-proposti jiġu ppubblikati u diskussi pubblikament hija parti normali mill-proċess demokratiku u mhux att ta’ sfida lejn l-awtoritajiet.

Fl-għeluq tal-istqarrija tagħha, Repubblika sostniet li mhux se tnaqqas il-vuċi tagħha u lanqas twieġeb għall-mibegħda b’mibegħda. Minflok, esprimiet solidarjetà ma’ għaqdiet oħra tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, attivisti u ċittadini li jemmnu li d-demokrazija teħtieġ aktar vuċijiet u mhux inqas.

L-għaqda saħqet li se tkompli bil-ħidma tagħha biex tissorvelja l-użu tal-poter, titlob kontabbiltà u tiddefendi l-prinċipji demokratiċi, irrispettivament minn min ikun fil-gvern.

More in Kronaka