Il-Malta Union of Teachers (MUT) ħabbret li laħqet ftehim fil-prinċipju mal-Università ta’ Malta dwar il-ftehim kollettiv tal-letturi tal-Junior College, żvilupp li se jwassal għat-tneħħija tad-direttivi industrijali mill-18 ta’ Ġunju.
L-union qalet li issa se tibda l-proċess biex il-ftehim propost jitqiegħed għall-vot fost il-membri tagħha fil-jiem li ġejjin.
It-tilwima kienet bdiet aktar kmieni din is-sena wara li n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv kienu ilhom sentejn ma jaslu għal konklużjoni. F’April, l-MUT kienet iddikjarat tilwima industrijali u ħabbret sensiela ta’ direttivi wara li naqsu t-taħditiet mal-gvern.
Id-direttivi daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ April u kienu jinkludu fost oħrajn ir-rifjut li jiġu sottomessi marki tal-istudenti u rekords tal-attendenza, kif ukoll li l-letturi ma jipparteċipawx f’laqgħat ta’ dipartimenti, kumitati jew bordijiet tal-Junior College.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Byron Camilleri laqa’ l-iżvilupp u qal li l-gvern jibqa’ impenjat li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-edukaturi.
Huwa sostna li l-għan jibqa’ dak li jittejbu kemm il-kundizzjonijiet tal-għalliema u l-letturi kif ukoll l-esperjenza edukattiva tal-istudenti.
Camilleri laqa’ wkoll id-deċiżjoni tal-MUT li tissospendi d-direttivi wara d-diskussjonijiet li wasslu għal dan il-ftehim fil-prinċipju, filwaqt li nnota li issa l-aħħar kelma se tkun tal-membri tal-union permezz tal-vot tagħhom.
Min-naħa tagħha, il-MUT irringrazzjat lill-Ministru Byron Camilleri, lis-Segretarju Permanenti Matthew Vella u lir-Rettur tal-Università Alfred Vella għar-rwol tagħhom biex intlaħaq il-qbil preliminari.