Malta tilqa’ l-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran bħala opportunità għall-paċi fil-Lvant Nofsani

Il-Ministru Chris Fearne qal li l-ftehim għandu jservi bħala punt ta’ tluq għal aktar stabbiltà fir-reġjun u mhux għal eskalazzjoni ġdida tal-kunflitti

Ritratt: MFE
Ritratt: MFE

Malta laqgħet b’sodisfazzjon il-ftehim milħuq bejn l-Istati Uniti u l-Iran li wassal għat-tmiem tal-ostilitajiet bejn iż-żewġ pajjiżi u għal ftuħ tal-Istrett ta’ Hormuz.

Il-pożizzjoni ta’ Malta ġiet espressa mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Chris Fearne waqt laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea li saret nhar it-Tnejn.

Meta indirizza lill-ministri Ewropej, Fearne ddeskriva l-ftehim bħala żvilupp importanti għall-istabbiltà tar-reġjun u qal li dan għandu joħloq spazju għal aktar paċi fil-Lvant Nofsani.

Huwa sostna li l-mument għandu jintuża biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u biex jiġi promoss djalogu li jwassal għal aktar sigurtà fir-reġjun kollu.

Matul il-laqgħa, Fearne saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkun aktar involuta fil-proċess ta’ bini tal-istat Palestinjan. Huwa enfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati r-riformi li qed jitwettqu mill-Awtorità Palestinjana sabiex tinbena stabbiltà fit-tul.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-gwerra fl-Ukrajna, fejn il-ministri kkundannaw l-aħħar attakki Russi fuq Kiev.

Fearne rrefera wkoll għall-hekk imsejħa “Shadow Fleet” Russa li qed topera fil-Mediterran, u qal li l-preżenza ta’ dawn il-bastimenti mhux regolati tqajjem tħassib dwar is-sigurtà marittima tal-pajjiżi Ewropej fil-Mediterran.

Huwa osserva li kwalunkwe projbizzjoni effettiva fuq dawn il-vapuri tkun teħtieġ koordinazzjoni internazzjonali usa’, partikolarment mal-pajjiżi tal-G7.

Fil-marġni tal-laqgħa, Fearne ħa sehem ukoll fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Eġittu, filwaqt li kellu laqgħat separati mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Eġittu u mal-Viċi Prim Ministru tal-Moldova.

Fost is-suġġetti diskussi kien hemm ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina, kif ukoll l-effetti reġjonali tal-kunflitt li kien għaddej bejn l-Iran u l-Istati Uniti.

More in Kronaka