Il-Koalizzjoni LGBTIQ+ tikkritika nuqqas ta’ akkużi f’każ ta’ vjolenza kontra persuna queer

L-għaqda laqgħet sentenza tal-Qorti dwar aggressjoni wara l-Gozo Pride tal-2023, iżda qalet li l-awtoritajiet fallew milli jittrattaw il-każ bħala reat motivat mill-mibegħda

LGBTIQ+ Gozo appellat lill-awtoritajiet biex każijiet ta’ vjolenza kontra persuni LGBTIQ+ jiġu investigati u mressqa bħala hate crimes, wara li Qorti kkonfermat li aggressjoni li seħħet wara l-Gozo Pride tal-2023 kienet motivata mill-orjentazzjoni sesswali tal-vittma.

Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, l-għaqda laqgħet il-verdett bħala pass importanti lejn il-ġustizzja, iżda esprimiet tħassib serju dwar il-fatt li l-każ ma ġiex ipproċessat bħala reat ta’ mibegħda minkejja l-konklużjonijiet tal-Qorti.

Il-kummenti saru wara li Aaron Atzori, żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Qala, instab ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief fil-wiċċ tal-vittma, għamel theddid u kiser il-paċi pubblika. Il-Maġistrat Jean Paul Grech ikkonkluda li l-Qorti kienet “konvinta kompletament” li l-aggressjoni kienet motivata mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuna attakkata.

LGBTIQ+ Gozo rrimarkat li dan kien it-tieni każ ta’ vjolenza marbut maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Gozo Pride li ntemm b’sentenza favur il-vittma. L-organizzazzjoni qalet li assistiet lill-vittmi fiż-żewġ każijiet.

Minkejja dan, l-għaqda sostniet li hemm nuqqasijiet serji fis-sistema meta attakk jiġi rikonoxxut mill-Qorti bħala wieħed motivat mill-mibegħda iżda ma jkunx ġie akkużat bħala hate crime mill-bidu nett.

L-organizzazzjoni qalet li sa mill-ewwel kienet sostniet, flimkien mal-vittma, xhieda u attivisti tad-drittijiet umani, li l-attakk kien immexxi minn preġudizzju relatat mal-orjentazzjoni sesswali perċepita tal-vittma. Madankollu, skont l-għaqda, l-inċident ma ġiex ikklassifikat bħala hate crime mill-awtoritajiet investigattivi.

LGBTIQ+ Gozo sostniet li din is-sitwazzjoni tqajjem mistoqsijiet dwar kemm dawk responsabbli mill-ewwel investigazzjonijiet huma mħarrġa biex jagħrfu reati motivati mill-mibegħda u jagħtu każ tal-esperjenzi tal-vittmi u tax-xhieda.

L-għaqda qalet li meta seħħ l-attakk kienet ġiet infurmata li l-każ ma kienx se jitressaq bħala hate crime għax il-vittma ma kinitx iddeskrivietu bħala tali. Hija argumentat li l-identifikazzjoni tar-reati għandha tkun responsabbiltà tal-investigaturi u mhux tal-vittmi, speċjalment wara esperjenza trawmatika.

L-organizzazzjoni rrimarkat ukoll li l-Kodiċi Kriminali Malti jipprevedi pieni speċifiċi għal reati u diskors motivati mill-mibegħda fuq bażi ta’ karatteristiċi fosthom il-ġeneru, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali.

Skont LGBTIQ+ Gozo, il-fatt li tali dispożizzjonijiet ma ġewx applikati f’dan il-każ iqajjem dubji dwar kemm il-leġiżlazzjoni eżistenti qed tintuża b’mod effettiv biex tipproteġi lill-komunità LGBTIQ+.

L-għaqda sostniet li Malta ma tistax tgħid li eliminat id-diskriminazzjoni kontra persuni queer jew li kisbet integrazzjoni sħiħa tal-komunità LGBTIQ+ fis-soċjetà jekk il-liġijiet ma jkunux qed jiġu applikati meta jseħħu attakki motivati mill-mibegħda.

LGBTIQ+ Gozo talbet aktar kontabbiltà u trasparenza dwar il-mod kif il-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw, jikklassifikaw u jmexxu każijiet simili.

L-istqarrija kienet appoġġjata wkoll minn diversi organizzazzjonijiet membri tal-Koalizzjoni LGBTIQ+, fosthom Allied Rainbow Communities (ARC), aditus Foundation, Checkpoint Malta, Drachma LGBTI+, Drachma Parents Group u l-Malta Gay Rights Movement.

More in Kronaka