Eluf ta’ utenti madwar id-dinja esperjenzaw diffikultajiet biex jużaw is-servizzi ta’ Meta nhar il-Ġimgħa wara outage li affettwa Facebook, Instagram, Messenger u WhatsApp.
Il-problemi bdew jiġu rrappurtati għall-ħabta tal-4pm, b’utenti jgħidu li ma setgħux jaġġornaw il-feeds tagħhom, jibagħtu messaġġi jew saħansitra jiftħu l-applikazzjonijiet.
Ir-rapporti ta’ problemi żdiedu b’rata mgħaġġla fuq diversi siti li jsegwu interruzzjonijiet fis-servizzi online, filwaqt li ħafna utenti daru lejn pjattaformi oħra biex jikkonfermaw li ma kinux waħedhom qed jesperjenzaw il-problema.
Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, Meta kienet għadha ma ħarġitx stqarrija uffiċjali dwar l-interruzzjoni tas-servizz u lanqas ma tat spjegazzjoni dwar x’seta’ wassal għall-problema.
Barra minn hekk, il-paġna uffiċjali tal-istatus tas-servizzi tal-kumpanija ma kinitx qed turi xi interruzzjoni jew problema teknika relatata mal-pjattaformi tagħha.
Għadu mhux magħruf meta s-servizzi se jerġgħu lura għan-normal, hekk kif il-kawża tal-outage għadha ma ġietx identifikata uffiċjalment.