Il-Partit Nazzjonalista se jibda formalment il-proċess għall-ħatra tal-kap tiegħu waqt Kunsill Ġenerali li se jsir nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju, wara deċiżjoni meħuda mill-Kumitat Eżekuttiv tal-partit.
Skont l-istatut tal-PN, wara elezzjoni ġenerali u meta l-partit ikun fl-Oppożizzjoni, l-Eżekuttiv għandu jsejjaħ Kunsill Ġenerali fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni uffiċjali tar-riżultat elettorali biex jiddiskuti l-eżitu tal-elezzjoni u jibda l-proċess għall-elezzjoni tal-kap.
Il-kap tal-PN Alex Borg diġà indika li jixtieq ikompli jmexxi lill-partit u bħalissa jidher improbabbli li jkun ikkontestat. Madankollu, anke jekk ikun l-uniku kandidat, xorta waħda jkollu bżonn jikseb il-konferma tal-kunsilliera tal-partit permezz ta’ vot sigriet.
Fi stqarrija maħruġa tard il-Ħamis filgħaxija, il-PN qal li l-Kunsill Ġenerali se jsir wara li jitlestew l-assembleat reġjonali li qed jiddiskutu r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali.
Rapport dwar dawn id-diskussjonijiet se jiġi ppreżentat lill-kunsilliera mill-President għar-Riċerka Politika Mary Anne Lauri.
Matul il-Kunsill Ġenerali huma mistennija wkoll indirizzi mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione u l-Kap tal-Partit Alex Borg.
Il-kunsill se jafda lill-Kummissjoni Elettorali, tar-Reġistri u tad-Data tal-partit biex tmexxi l-proċess għall-ħatra tal-kap.
L-Eżekuttiv approva wkoll ir-regolamenti li bihom se ssir l-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit.
Fl-2022, wara l-elezzjoni ġenerali, l-eks Kap Bernard Grech kien baqa’ fil-kariga mingħajr kontestazzjoni u kiseb l-appoġġ ta’ 81% tal-kunsilliera tal-partit waqt il-vot ta’ konferma.