Repubblika twissi dwar tnaqqis fil-fiduċja fl-istituzzjonijiet wara r-riżultati tal-Eurobarometer dwar il-korruzzjoni
L-NGO Repubblika qalet li l-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer għandu jservi ta’ twissija serja għall-klassi politika, hekk kif il-maġġoranza tal-Maltin għadhom iqisu l-korruzzjoni bħala problema mifruxa u juru nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi
minn Jaelle Borg
L-għaqda Repubblika qalet li l-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer dwar il-korruzzjoni għandu jitqies bħala sinjal ċar tat-tħassib persistenti tal-poplu Malti dwar il-governanza, it-trasparenza u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, l-NGO rreferiet għar-riżultati tal-istħarriġ li juru li maġġoranza kbira tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hija mifruxa fil-pajjiż, filwaqt li ħafna jqisu r-relazzjoni mill-qrib bejn il-politika u l-interessi kummerċjali bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal din il-problema.
L-istħarriġ sab ukoll li erbgħa minn kull ħames persuni mistħarrġa jemmnu li każijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu persuni f’karigi għolja mhumiex qed jiġu investigati jew imressqa quddiem il-ġustizzja kif suppost.
Barra minn hekk, numru sostanzjali ta’ persuni qalu li jibżgħu jirrapportaw każijiet ta’ korruzzjoni minħabba biża’ ta’ riperkussjonijiet jew għax ma jemmnux li se tittieħed azzjoni effettiva. Kważi nofs dawk mistħarrġa qalu wkoll li jħossu li l-korruzzjoni għandha impatt dirett fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Repubblika sostniet li dawn ir-riżultati juru li ħafna ċittadini qed jassoċjaw il-korruzzjoni ma’ diversi aspetti tal-ħajja pubblika, fosthom il-politika, l-istituzzjonijiet tal-Istat, il-proċessi tal-akkwist pubbliku u d-deċiżjonijiet relatati mal-ippjanar.
Skont l-għaqda, il-konklużjonijiet tal-Eurobarometer m’għandhomx jitqiesu biss bħala twissija dwar il-korruzzjoni nnifisha, iżda wkoll bħala indikazzjoni tat-tnaqqis fil-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.
“Dawn ir-riżultati għandhom iqajmu mistoqsijiet serji dwar il-fiduċja taċ-ċittadini fil-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet u, fl-aħħar mill-aħħar, fil-funzjonament tad-demokrazija,” sostniet l-għaqda.
Repubblika osservat ukoll li l-pubblikazzjoni tar-riżultati waslet ftit jiem biss wara kampanja elettorali li fiha, skontha, il-korruzzjoni kienet kważi assenti mid-diskussjoni politika nazzjonali.
L-għaqda argumentat li l-fatt li l-korruzzjoni ma tkunx qed tiġi diskussa fil-kampanja elettorali ma jfissirx li l-problema ma għadhiex teżisti.
“Il-korruzzjoni ma tisparixxix sempliċement għax il-politiċi jieqfu jitkellmu dwarha,” sostniet Repubblika.
L-għaqda żiedet li kultura ta’ impunità ma tinħoloqx biss permezz ta’ atti ta’ korruzzjoni, iżda wkoll meta dawn jiġu injorati, skużati jew trattati bħala xi ħaġa inevitabbli.
Repubblika qalet li s-skiet politiku dwar dawn il-kwistjonijiet ma jirriflettix il-fehma taċ-ċittadini, li skont ir-riżultati tal-istħarriġ għadhom imħassba dwar l-influwenza li interessi privati qawwija għandhom fuq id-deċiżjonijiet pubbliċi u dwar jekk persuni responsabbli minn abbużi serji humiex tassew qed jinżammu responsabbli.
L-NGO sostniet ukoll li l-partiti politiċi għadhom jiddependu kompletament fuq finanzjament privat u fuq persuni jew gruppi li jippruvaw jinfluwenzaw il-politika, filwaqt li ċ-ċittadini għandhom viżibilità limitata dwar min qed jiffinanzja l-attivitajiet politiċi u l-kampanji elettorali.
Fid-dawl ta’ dan, Repubblika appellat lill-partiti politiċi kollha biex jirriflettu serjament dwar il-mod kif jiġu ffinanzjati u dwar l-influwenza li jistgħu jeżerċitaw dawk li jipprovdu dan il-finanzjament.
L-għaqda wissiet li sitwazzjoni bħal din tista’ twassal biex il-partiti jevitaw li jindirizzaw prattiki problematiċi li jiffavorixxu interessi partikolari minħabba dipendenza fuq l-appoġġ finanzjarju tagħhom.
Repubblika fakkret li ilha għal snin twal tqajjem tħassib dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u qalet li qabel l-elezzjoni ġenerali kienet ressqet sensiela ta’ proposti maħsuba biex isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.
Fost dawn il-proposti kien hemm aktar protezzjoni għall-whistleblowers, trasparenza akbar fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, regolamentazzjoni tal-lobbying u tal-influwenza fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi, safeguards aktar b’saħħithom kontra kunflitti ta’ interess u infurzar aktar effettiv tal-liġijiet kontra l-korruzzjoni.
L-għaqda temmet tgħid li r-riżultati tal-Eurobarometer juru li dawn ir-riformi għadhom urġenti u meħtieġa, filwaqt li sostniet li l-partiti politiċi għandhom responsabbiltà li juru li huma lesti jindirizzaw il-korruzzjoni anke meta dan ikun politikament diffiċli jew skomdu.
