Għasafar, fniek u baqar fost l-annimali li mietu wara l-isplużjoni fil-Magħtab

L-isplużjoni li seħħet fil-fabbrika tan-nar Ta’ Lourdes fil-Magħtab ħalliet impatt mhux biss fuq il-bdiewa u r-residenti tal-madwar, iżda wkoll fuq diversi annimali li mietu jew sofrew kawża tal-qawwa 

Għasafar, fniek u baqar kienu fost l-annimali li mietu wara l-isplużjoni qawwija li seħħet fil-fabbrika tan-nar Ta’ Lourdes fil-Magħtab it-Tnejn filgħodu.

Skont il-Fondazzjoni MaYA, diversi bdiewa u raħħala fiż-żona sofrew ħsarat strutturali fil-proprjetajiet tagħhom, filwaqt li tilfu wkoll numru ta’ annimali minħabba l-effetti diretti u indiretti tal-isplużjoni.

Kelliem għall-fondazzjoni, Jeanette Borg, spjegat li l-annimali jistgħu jbatu konsegwenzi serji minn splużjonijiet ta’ dan it-tip, mhux biss minħabba l-impatt dirett iżda wkoll minħabba l-pressjoni tal-blast, il-ħsejjes qawwija, il-ħsarat fl-istrutturi u l-paniku li jinħoloq.

Hija qalet li dawn l-effetti jistgħu jwasslu għall-mewt tal-annimali, trawma, problemi ta’ saħħa marbuta mal-istress, tnaqqis fil-produzzjoni u konsegwenzi fit-tul fuq il-benesseri tagħhom.

Borg irrimarkat li l-Magħtab huwa żona ddedikata għall-attività agrikola, u għalhekk il-preżenza ta’ fabbriki tan-nar qrib l-irziezet iżżid ir-riskji għal dawk li jaħdmu fis-settur. Hija żiedet li ħafna poloz tal-assigurazzjoni lanqas ma jkopru t-telf tal-bhejjem.

“Bħalissa l-bdiewa qed jagħmlu dak kollu possibbli biex inaqqsu l-effetti tal-inċident, iżda huwa ċar li għandhom bżonn għajnuna kemm finanzjarja kif ukoll psikoloġika,” sostniet.

L-isplużjoni seħħet għall-ħabta tas-6:35am fi Triq tal-Qagħdi u nstemgħet minn diversi lokalitajiet madwar Malta. Ir-residenti rrappurtaw ħsarat fosthom twieqi mkissra u partijiet minn faċċati ta’ bini li nqalgħu bil-forza tal-blast.

Il-Fondazzjoni MaYA, li kienet f’kuntatt ma’ bdiewa u raħħala milquta mill-inċident, esprimiet solidarjetà ma’ dawk kollha affettwati. Hija qalet li minkejja li ma ġew irrappurtati l-ebda fatalitajiet umani, il-konsegwenzi tal-isplużjoni marru ferm lil hinn mill-periklu immedjat għall-bnedmin.

Il-fondazzjoni appellat lill-awtoritajiet biex, hekk kif iż-żona tiġi ddikjarata sigura, isiru assessjarji tal-ħsarat u tingħata l-assistenza meħtieġa lill-familji li jiddependu fuq il-biedja u t-trobbija tal-annimali għall-għajxien tagħhom.

“Għall-bdiewa u r-raħħala, l-annimali mhumiex sempliċement numri. Huma jirrappreżentaw snin ta’ dedikazzjoni, kura ta’ kuljum, impenn emozzjonali u, f’ħafna każijiet, l-għajxien ta’ familji sħaħ,” sostniet il-fondazzjoni.

Il-MaYA Foundation temmet billi appellat biex il-komunitajiet milquta ma jinsewx, filwaqt li rringrazzjat lis-servizzi tal-emerġenza għall-ħidma tagħhom fuq il-post.

More in Kronaka